STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitħabbru d-dettalji dwar l-avveniment “Ħajjin: Il-Ħut u l-Baħar ta’ Madwarna” li se jittella’ f’Marsalforn
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbru li nhar il-Ħadd, 16 ta' Novembru 2025, se tittella' l-attività 'Ħajjin: Il-Ħut u l-Baħar ta' Madwarna' f'Marsalforn, bejn il-11:00am u l-5:00pm. Dan l-avveniment huwa festa għall-familja kollha li tiċċelebra l-ħajja marittima, is-sajd lokali u l-kultura tagħna marbuta mal-baħar.
L-attività qed tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar, sabiex toffri ġurnata ta' divertiment, tagħlim u esperjenzi marbuta mal-baħar għal familji Għawdxin u Maltin. 'Ħajjin' għandu l-għan li jħeġġeġ apprezzament akbar lejn il-baħar u s-sostenibbiltà tas-sajd, filwaqt li jenfasizza kemm il-baħar huwa parti essenzjali mill-identità tagħna bħala poplu. Il-programm jħallat il-kultura, l-edukazzjoni u d-divertiment għal esperjenza unika li tgħaqqad it-tagħlim mad-divertiment.
Matul il-jum, il-viżitaturi se jgawdu minn spettakli live b'kantanti u mużiċisti lokali, attivitajiet għat-tfal fosthom animazzjoni u bouncy castle, kif ukoll logħob interattiv u esebizzjonijiet edukattivi dwar il-ħut u l-baħar ta' madwarna. Se jkun hemm ukoll boat rides, artiġjanat u folk groups li juru xogħlijiet tradizzjonali, kif ukoll stands b'prodotti lokali. L-atmosfera se tkun imżejna b'tema marittima sabiex jinħoloq ambjent li jirrifletti s-sbuħija u l-wirt tal-baħar tagħna.
Esperjenza importanti oħra se tkun dik kulinara: ikel magħmul minn prodotti lokali u ħut frisk mis-sajjieda Maltin u Għawdxin, offruta lill-pubbliku bħala parti mill-festa.
Il-Ministru Anton Refalo qal, “Dan l-avveniment mhuwiex biss festa għall-familja kollha, iżda messaġġ ċar dwar kemm huwa importanti li napprezzaw u nħarsu r-riżorsi naturali tagħna. Il-baħar u s-sajd lokali għandhom valur enormi fil-kultura u l-ekonomija tagħna, u permezz ta' 'Ħajjin' irridu nsaħħu r-rispett lejn dawn is-setturi. Nirringrazzja lill-entitajiet kollha u lill-komunità li qed jagħmlu dan l-avveniment possibbli."
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Il-Ministeru jibqa' kommess li jkompli jissapportja inizjattivi bħal dawn, li mhux biss isaħħu s-sens ta' komunità li għandna f'din il-gżira iżda wkoll l-apprezzament lejn dak kollu li jagħmel lil Għawdex uniku. B'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, qegħdin noħolqu esperjenza li tgħaqqad id-divertiment mat-tagħlim u li tqajjem aktar għarfien dwar is-sostenibbiltà tas-sajd u l-importanza li nieħdu ħsieb il-baħar ta' madwarna. Barra minn hekk, dawn l-attivitajiet ikomplu jattiraw aktar viżitaturi lejn Għawdex matul is-sena kollha."
'Ħajjin: Il-Ħut u l-Baħar ta' Madwarna' mistennija tkun attività ta' suċċess li tgħaqqad il-komunità f'ġurnata li tħaddan il-wirt marittimu, il-familja u l-edukazzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN