STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Imniedi t-tieni pjan ta’ azzjoni kontra r-razziżmu
Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi nieda t-tieni pjan ta' azzjoni kontra r-razziżmu li ser ikopri sal-2030.
Dan tħabbar f'konferenza li trattat l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni bħala parti mill-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li jipprovdi appoġġ għall-inizjattivi li jippromovu l-integrazzjoni.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, tenna l-irwol kruċjali tal-finanzjament Ewropew fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ugwaljanza. “Permezz ta' proġetti bħall-SPRING, iffinanzjat mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) b'investiment li jaqbeż il-€5.6 miljun, qed niżguraw li r-riżorsi tal-UE jintużaw b'mod effiċjenti biex inpoġġu lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Dawn il-fondi mhumiex biss strument finanzjarju, iżda fuq kollox huma għodda li ssaħħaħ d-drittijiet tal-bniedem, tippromwovi l-ġustizzja soċjali u għajnuna biex nibnu soċjetà aktar inklussiva," qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan it-tieni pjan ta' azzjoni, magħruf fil-qosor bħala NAPAR, jipprovdi għal sensiela ta' miżuri f'għaxar miri, ewlenin fosthom biex jikkumbattu d-diskors ta' mibegħda inkluż dawk fuq l-mezzi tal-midja soċjali u reati ta' mibegħda razzjali.
Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi fost oħrajn għal taħriġ kif ukoll għat-twaqqif ta' Kunsill Konsultattiv dwar l-Integrazzjoni u kontra r-Razziżmu li ser jipprovdi pjattaforma għal pariri dwar miżuri u azzjonijiet biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jaffettwaw diversi komunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li bħala soċjetà li tgħożż il-valuri tal-ugwaljanza u l-inklussività għandha jkollha tolleranza żero għar-razziżmu għaliex dan imur kontra d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Filwaqt li l-mira ewlenija għandha tkun l-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet tagħna mingħajr diskriminazzjoni u b'rispett reċiproku, is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li jridu jitwarrbu l-preġudizzji li joħolqu ħitan ta' firda. Buttigieg qalet li dan il-pjan ta' azzjoni jikkumplimenta l-istrateġija dwar l-integrazzjoni li tħabbret aktar kmieni din is-sena.
Intant dan il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għodda importanti għat-twettiq tal-Labour Migration Policy, permezz tal-programm I Belong Pre-Departure Integration Programme li qiegħed jissaħħaħ biex jipprovdi edukazzjoni u taħriġ dwar il-lingwa u l-kultura Maltija lil persuni qabel dawn jaslu Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN