STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA, U PROĠETTI STRATEĠIĊI Matul żjara f’Ruma l-Ministru Silvio Schembri jagħmel żjara uffiċjali fis-Santa Sede u jżur is-Sigma Summit
Il-Ministru Silvio Schembri bi żjara uffiċjali fis-Santa Sede biex jiġi mfakkar is-60 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, attenda għal żjara ta' kortesija uffiċjali fis-Santa Sede fil-Belt tal-Vatikan, fejn kien milqugħ minn Maximino Caballero Ledo, Prefett tas-Segretarjat għall-Ekonomija.
Din il-laqgħa kienet opportunità għal skambju ta' opinjonijiet dwar ir-relazzjonijiet fit-tul bejn ir-Repubblika ta' Malta u s-Santa Sede, b'mod partikolari fil-kuntest tas-60 anniversarju li jimmarka t-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ stati.
Iż-żewġ naħat esprimew l-apprezzament tagħhom għall-ħbiberija sħiħa u dejjiema li tkompli tikkaratterizza r-relazzjonijiet bilaterali, ibbażati fuq storja kondiviża u valuri komuni.
Il-Ministru Schembri kellu wkoll l-unur li jkun milqugħ mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV wara t-tmiem tal-Udjenza Ġenerali. Il-Ministru wassal l-awguri f'isem il-Gvern u l-poplu Malti, u saħaq fuq l-impenn sod tal-pajjiż biex iżomm u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet b'saħħithom mas-Santa Sede.
L-Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, iffaċilità l-laqgħat u akkumpanja lill-Ministru matul iż-żjara tiegħu.
Minn Start-Up Maltija għall-avveniment globali
Il-Ministru Silvio Schembri attenda wkoll is-Summit SiGMA li sar f'Ruma, fejn iltaqa' ma' diversi stakeholders fil-qasam tal-gaming kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.
Il-Ministru Schembri faħħar lill-organizzaturi għax-xogħol tagħhom, filwaqt li nnota kif is-suċċess tagħhom jirrappreżenta l-aqwa potenzjal ta' Malta fix-xena globali. “Minn start-up għal avveniment ta' fama globali, SiGMA hija prova ta' dak li jista' jinkiseb b'ambizzjoni u determinazzjoni. Hija storja li tirrifletti l-vjaġġ ekonomiku ta' Malta stess, wieħed li jkompli jevolvi. Il-Gvern se jkompli jappoġġja u jipprovdi l-ambjent ideali fejn l-intraprendituri u l-kumpaniji jkunu jistgħu jibqgħu jikbru u jirnexxu kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment," qal il-Ministru Schembri.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru żar l-esebituri fis-Summit fejn ġie diskuss it-tkabbir kontinwu tal-industriji diġitali f'Malta. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-innovaturi li jaħdmu f'niċeċ ekonomiċi ġodda bħal blockchain, crypto, esports, u AI biex jesploraw kollaborazzjonijiet ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv ta' GamingMalta, Ivan Filletti, tkellem dwar l-importanza ta' ekosistema b'saħħitha f'Malta. “SiGMA hija aktar minn avveniment; hija ċelebrazzjoni tal-komunità tal-gaming f'Malta. Tirrifletti s-saħħa u r-reżiljenza tal-ekosistema tagħna, waħda li kisbet reputazzjoni eċċellenti f'din l-industrija."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Gaming, Charles Mizzi, qal li s-suċċess ta' Malta huwa riżultat tal-qafas regolatorju b'saħħtu u adattabbli tagħna. “Is-saħħa tagħna dejjem kienet il-kapaċità li nibbilanċjaw l-innovazzjoni mar-responsabbiltà. Hekk kif l-industrija tevolvi, hekk ukoll tevolvi l-viżjoni tagħna, biex niżguraw li Malta tibqa' regolatur ta' fiduċja u rispettat fix-xena globali."
Il-Ministru Schembri kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għall-Italja, Daniel Azzopardi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN