STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta tikseb riżultati importanti fil-ftehim dwar il-Liġi Ewropea tal-Klima
Jintlaħaq qbil dwar il-liġi Ewropea tal-Klima għas-sena 2040
B'negozjati mmexxija mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, Malta rnexxielha tikseb riżultati importanti u konkreti fil-ftehim politiku dwar il-Liġi Ewropea tal-Klima. Din il-liġi tistabbilixxi t-triq tal-UE lejn l-2040, inkluż mira ta' 90% tnaqqis fit-tniġġis fuq livell Ewropew li mbagħad tiġi riflessa f'miri individwali għall-istati membri.
Il-ftehim intlaħaq waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fi Brussell.
Fosthom:
- Rikonoxximent ċar tar-realtajiet ta' stati gżejjer fl-Unjoni Ewropea, bħalma hu pajjiżna;
- Flessibbiltà fil-mod kif jitkejlu u jitqassmu t-tnaqqis fl-emissjonijiet bejn setturi differenti - sabiex il-progress b'saħħtu fis-settur tal-enerġija jgħin jibbilanċja l-isfidi f'oqsma bħal trasport;
- L-inklużjoni ta' Impact Assessments individwali għal kull Stat Membru, simili għall-approċċ ta' Fit for 55, biex il-miri futuri jkunu ġusti u proporzjonati għas-sitwazzjoni ta' kull pajjiż.
“Illum ksibna riżultati importanti għall-pajjiżna. Din hija liġi b'saħħitha għax tindika l-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2040. Iżda grazzi għan-negozjati li għamilna bħala Malta r-realtajiet ta' gżejjer żgħar bħalma hu pajjiżna qed jiġu rikonoxxuti b'mod ċar. Dan għalina huwa kruċjali. Mhux biss jagħti valur lill-progress li għamilna f'setturi bħall-enerġija iżda jgħinna wkoll nimxu 'l quddiem biex nersqu dejjem eqreb lejn ekonomija li ma tħammiġx," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Matul dawn in-negozjati Malta kkonvinċiet lill-Presidenza Daniża u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-ħtieġa li realtajiet ta' gżejjer li huma stati membri tiġi kkunsidrata b'mod reali u tanġibbli.
Il-Liġi tal-Klima u l-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) ġew ippreżentati flimkien bħala pakkett ta' tħejjija għall-COP 30, fejn il-mexxejja globali ser jiddiskutu l-futur tal-politika klimatika.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN