Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Ekonomija b'Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget b'saħħtu għal Għawdex b'żieda rekord ta' 81% fuq in-nefqa kapitali li jikkonferma li Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern

PR251958
Date Icon 05/11/2025

Tinfetaħ parzjalment għat-traffiku l-Bypass Ġorġ Pisani fir-Rabat

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri tkellem u elenka l-miżuri tal-Budget 2026 għal Għawdex filwaqt li ħabbar li nfetħet parzjalment il-Bypass il-ġdida Ġorġ Pisani, fir-Rabat.

Dan il-Budget ikompli jibni fuq il-progress tas-snin li għaddew filwaqt li jagħti l-importanza mistħoqqa lill-gżira Għawdxija. Il-Ministru Camilleri stqarr li dan hu Budget b'saħħtu li jirrifletti l-viżjoni ta' Gvern li jpoġġi lill-familja fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni, u li permezz ta' ekonomija stabbli u sostenibbli qed iġib tkabbir bla preċedent f'pajjiżna.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega, “Il-Budget 2026 jinkludi żieda ta' 21% fuq in-nefqa rikorrenti, minn €77.9 miljun għal €94.5 miljun, u żieda rekord ta' 81% fuq in-nefqa kapitali, minn €15.2 miljun għal €27.5 miljun. Dan hu rekord assolut ta' fondi diretti ddedikati għal Għawdex, li jsaħħu l-fiduċja fil-potenzjal tal-gżira u r-rwol tagħha bħala kontributur ewlieni għall-ekonomija nazzjonali. Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hi ċara: titjib fl-infrastruttura, investiment fil-konnettività, ħarsien għall-ambjent, edukazzjoni moderna u proġetti ta' inklużjoni u sports."

Huwa semma kif matul din is-sena, saru investimenti sinifikanti fit-titjib tat-toroq madwar Għawdex, inklużi t-tlestija tat-toroq taħt iċ-Ċittadella, Triq l-Imgħallem u l-ħolqien ta' junction ġdida biex jitnaqqas il-bottleneck fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.

Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar ukoll li l-bypass il-ġdida Ġorġ Pisani issa nfetħet parzjalment, biex it-traffiku lejn Marsalforn jgħaddi minnha u jitneħħa miċ-ċentru tal-belt. Fl-istess waqt, matul is-sena d-dieħla se jibda x-xogħol fuq it-triq prinċipali li tgħaqqad il-Qala man-Nadur, sensiela ta' toroq li jinkludu Triq it-Tiġrija, Triq San Blas, Triq il-Qala fin-Nadur, Triq il-Qala, u Triq San Ġużepp, fil-Qala. Se jitwettaq ukoll proġett ta' 100 triq residenzjali ġdida madwar il-gżira f'suġġerimenti mill-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-Gvern ser jibqa' jsaħħaħ il-konnettività ta' Għawdex permezz ta' servizzi moderni u effiċjenti. Għalhekk mistenni jibda l-proċess tax-xiri tar-raba' vapur ġdid għall-Gozo Channel, biex tissaħħaħ il-flotta b'mod permanenti. Fl-istess waqt, se titwaqqaf taskforce biex tanalizza kif il-port tal-Imġarr jista' jintuża b'mod aktar effikaċi u sostenibbli. L-Awtorità tal-Ippjanar approvat ukoll il-proġett tal-Gozo Rural Airfield fix-Xewkija, li se jservi ta' niċċa ġdida għat-turiżmu speċjalizzat u għal impjiegi ta' kwalità.

Huwa semma wkoll il-proġett tal-Victoria Park, li se jsir b'investiment ta' €20 miljun,  u se jkun pulmun aħdar ewlieni fiċ-ċentru tar-Rabat, park urban kbir għall-familji Għawdxin. Proġett ieħor, fi Pjazza l-Assedju, se jinkludi parkeġġ ta' 340 karozza u ġnien ta' rikreazzjoni fuq il-livell ta' fuq. Barra minn hekk, ser isiru restawr u tisbiħ f'ġonna pubbliċi madwar Għawdex, fosthom fix-Xewkija, Ta' Kerċem u l-Qala.

Meta tkellem dwar l-edukazzjoni, il-Ministru Clint Camilleri spjega li l-Gvern qed jinvesti fi skejjel moderni u aċċessibbli u qal li x-xogħlijiet li għaddejjin jinkludu l-immodernizzar tal-iskejjel f'Ta' Kerċem u fiż-Żebbuġ, b'investiment ta' €7 miljun. Barra minn hekk, mill-2026 se tingħata allowance ta' €280 fix-xahar lil aktar minn 800 student Għawdxi li jattendu edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja f'Malta, żieda ta' madwar 70% fuq l-appoġġ preżenti, minbarra ż-żieda ta' 15% fl-istipendji.

Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li kien inawgurat l-akbar ċentru sportiv multidixxiplinarju f'Għawdex, il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat, faċilità ta' livell internazzjonali. Dan filwaqt li qal li matul is-sena d-dieħla, se jibda l-proċess għall-bini ta' athletic track biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura sportiva.

Fuq livell soċjali, b'investiment ta' €5.7 miljun, se jitwettqu inizjattivi bħal Blossom, li tiffoka fuq is-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ, u l-Vajrinġa Centre for Music and the Arts, spazju għall-arti inklużiva u l-espressjoni kreattiva għal persuni b'diżabilità.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li Għawdex qed ikompli jgawdi minn tmexxija responsabbli u viżjoni ċara. Il-miżuri tal-Budget 2026 huma tanġibbli, studjati u realistici, u jirriflettu Gvern li jaħseb f'kulħadd mill-istudent sal-pensjonant, mill-ħaddiem sal-intraprenditur. Huwa temm jgħid li dan hu Gvern li jkompli jkabbar l-ekonomija biex kulħadd igawdi, li jibqa' garanzija ta' stabbiltà, progress u futur għal uliedna.

Ritratt: MGP

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Ekonomija b'Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget b'saħħtu għal Għawdex b'żieda rekord ta' 81% fuq in-nefqa kapitali li jikkonferma li Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow