STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI
Wara l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kwistjoni tal-eliġibbiltà għall-warrant ta’ inġinier, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett jikkjarifika li għall-Gvern u l-Bord tal-Inġiniera, li jaqa’ taħt il-Ministeru, kull persuna kwalifikata bħala inġinier, li tissodisfa l-kriterji tal-artikolu 3 tal-Kapitlu 321 tal-Liġijiet ta’ Malta hija eliġibbli biex tapplika għall-warrant ta’ inġinier, irrispettivament hux gradwata mill-Università ta’ Malta, mill-MCAST jew minn istituzzjoni terzjarja oħra.
Il-MAPE (l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Inġiniera Professjonali) ilha żmien twil topponi li student gradwat mill-MCAST jiġi kkunsidrat għall-warrant. Minkejja dan, il-bord dejjem sostna li kellu u għad għandu s-setgħa li jagħti l-warrants lill-gradwati minn istituzzjonijiet edukattivi li mhumiex l-Università ta’ Malta, jekk il-Bord ikun sodisfatt li l-kwalifika akkademika tkun waħda ekwivalenti u rikonoxxuta mill-Bord.
Wara sitwazzjoni spjaċevoli fuq l-interpretazzjoni tar-regolament li ilha tkaxkar wisq minħabba l-oġġezzjonijiet tal-MAPE, fl-aħħar jiem il-Bord tal-Inġiniera, wara diskussjoni interna li saret, kif ukoll pariri legali li ngħata, ħa vot favur l-istudenti tal-MCAST sabiex dawn jiġu kkunsidrati għall-warrant. Żewġ membri mill-bord u li jiffurmaw parti mill-MAPE m’aċċettawx dan il-vot demokratiku, tant li intavolaw mandat t’inibizzjoni kontra l-Bord u l-Ministeru, li ntlaqa’ b’mod proviżorju, kif jiġri dejjem, sakemm issir is-seduta fil-Qorti li hija skedata fl-10 ta’ Novembru li ġej.
Dan ifisser li sal-10 ta’ Novembru l-MAPE reġgħet waqqfet il-proċess sabiex dawn iż-żgħażagħ jingħataw il-warrant. Huwa tassew ta’ dispjaċir għall-Gvern, li għal darb’oħra ma jistax jagħti lil dawn iż-żgħażagħ id-dritt, li gwadanjaw bl-istudju u s-sagrifiċċji li għamlu huma u l-familji tagħhom, sabiex isir parti minn din il-professjoni, u dan minħabba grupp żgħir ta’ inġiniera li jidher li għalihom, biex jaslu fejn qed jippretendu li jaslu għandhom iżommu persuni innoċenti milli jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
L-għan ewlieni ta’ dan il-Gvern kien, għadu u jibqa’ li jinvesti u jipproteġi lill-professjonisti tagħna biex wara snin twal ta’ edukazzjoni, jixprunaw il-kwalifiċi fil-prattika u jimirħu fil-karrieri tagħhom. Il-Gvern jirringrazzja lil Bord tal-Inġiniera u l-Kamra tal-Inġiniera talli qed ikunu ta’ sostenn għal dawn iż-żgħażagħ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN