STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR
Ekonomija b'Saħħitha – Futur għal Uliedna: Żieda ta' 15% fl-istipendji, €6 miljun addizzjonali fil-bwiet taż-żgħażagħ
Il-Gvern huwa konxju li edukazzjoni b'saħħitha hija l-bażi għal soċjetà aktar ġusta u ekonomija aktar kompetittiva, għalhekk b'dan il-Budget qed ikompli juri biċ-ċar l-impenn lejn edukazzjoni ta' kwalità u sostenibbiltà. Budget li anki għas-settur edukattiv jirrifletti impenn qawwi u serju biex tkompli tissaħħaħ l-edukazzjoni f'pajjiżna u jkomplu jinħolqu opportunitajiet ġodda għal kull student, għall-edukaturi u għall-familji kollha.
“Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-istudenti u l-familji tagħhom għandu jkollhom kull sostenn possibbli, anki dak finanzjarju f'wieħed mill-iktar mumenti delikati ta' ħajjithom, meta jkunu qed jieħdu l-formazzjoni edukattiva tagħhom. Perkors edukattiv li huwa l-pedament tal-futur tagħhom. Għalhekk ħabbarna miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla li jkomplu jibnu fuq miżuri u riformi li daħħalna fis-snin ta' qabel, u li minnhom se jgawdu investiment dirett l-istudenti u l-familji tagħhom," qal il-Ministru Clifton Grima.
Huwa qal dan waqt laqgħa informali fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, li matulha l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, iddiskutew mal-istudenti żgħażagħ il-miżuri li tħabbru lbieraħ fil-Budget ippreżentat għas-sena 2026.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Kien ta' pjaċir li llum iltqajna mal-istudenti fl-MCAST l-għada tal-Budget u tkellimna magħhom dwar kif dan il-Budget se jaffettwahom b'mod pożittiv. Bħala Ministeru għal Għawdex nagħtu diversi allowances u sussidji lill-istudenti Għawdxin li jattendu edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja f'Malta. Issa sabiex niffaċilitaw il-proċess ta' applikazzjoni u fl-istess waqt insaħħu l-appoġġ finanzjarju, se nibdew nagħtu allowance ta' €280 fix-xahar, li se jibbenefikaw minnha 'l fuq minn 800 student. Għall-maġġoranza tal-istudenti Għawdxin, din se tkun tfisser żieda ta' madwar 70% fuq l-għajnuna li nagħtu bħalissa."
Il-Ministru Camilleri fakkar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar nieda programm estensiv ta' rinnovazzjoni u bini ta' skejjel moderni u attrezzati. Sar fost l-oħrajn tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja tan-Nadur u fil-Middle School fir-Rabat, kif ukoll inbniet mill-ġdid l-Iskola Primarja tar-Rabat. Matul is-sajf li għadda, inbdew ix-xogħlijiet għall-immodernizzar tal-Iskola Primarja f'Ta' Kerċem, u matul is-sena d-dieħla, mistennija jibdew ix-xogħlijiet għall-immodernizzar tal-Iskola Primarja fiż-Żebbuġ. Huwa temm jgħid li dawn iż-żewġ proġetti jammontaw għal €7 miljun.
Il-Gvern qed jirrispondi għall-isfidi tal-istudenti billi qed iżid l-istipendji bi 15%, li jfisser €6 miljun addizzjonali fil-bwiet taż-żgħażagħ. Din hija miżura diretta biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni ogħla u jitnaqqsu l-piżijiet finanzjarji fuq l-istudenti u l-familji tagħhom.
Aktar għajnuna finanzjarja qed terġa' tingħata lil ġenituri ta' studenti li jkomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja, li se jibqgħu jirċievu €500 kull sena għal tliet snin sa massimu ta' €1,500.
Il-Budget jaħseb ukoll għal allowance ġdida għal studenti Għawdxin li jistudjaw Malta, dik ta' €280 fix-xahar, li hija żieda ta' 70% fuq is-sistema preżenti.
Wara s-suċċess kbir li kellha l-iskema tal-gym b'xejn introdotta s-sena li għaddiet, il-Gvern se jerġa' jniedi din l-iskema għal żgħażagħ ta' bejn is-16 u l-21 sena, dawk li twieldu bejn 2004 u 2009. Din l-inizjattiva tħeġġeġ stil ta' ħajja aktar b'saħħitha u tkompli tgħaqqad il-benesseri fiżiċi mal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ.
Apparti minn dawn il-miżuri li japplikaw għal din il-faxxa ta' studenti żgħażagħ, dawn se jibbenefikaw ukoll minn miżuri oħrajn imħabbra fil-budget, fosthom l-impenn tal-Gvern fl-infrastruttura edukattiva.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN