STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Żieda ta’ aktar minn tliet darbiet fl-ammont ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol
Waqt żjara ġewwa l-Lino Spiteri Foundation mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, tħabbar li kien hemm żieda ta' aktar minn tliet darbiet fl-ammont ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol mill-2012 sal-lum.
Dan hekk kif fl-2012 kien hemm 1699 persuna reġistrata b'diżabilità fis-suq tax-xogħol meta kkumparati mal-lum fejn hemm 5649 persuna b'diżabilità fis-suq tax-xogħol.
Waqt din iż-żjara, fil-Lino Spiteri Foundation, il-Ministri kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma' wħud mill-membri tal-istaff tal-fondazzjoni. Dawn spjegaw ix-xogħol li jagħmlu kuljum ma' diversi kumpaniji u persuni b'diżabilità, sabiex jiżguraw li dawn il-persuni jkunu qed jintegraw b'suċċess fis-suq tax-xogħol.
Il-Ministri kellhom ukoll l-opportunità li jaraw il-klassijiet ta' taħriġ offruti mill-Lino Spiteri Foundation, li għandhom l-għan li jippreparaw lill-persuni b'diżabilità għas-suq tax-xogħol. Il-Ministru Byron Camilleri spjega li “F'dawn l-għaxar snin 1,400 persuna ngħataw is-sapport minn Lino Spiteri Foundation, 88% minnhom huma gainfully employed. 1,162 individwu bbenefikaw ukoll minn job coaching li toffri l-Fondazzjoni."
Bħalissa hemm 14-il persuna li qed jibbenefikaw mit-taħriġ mal-Lino Spiteri Foundation, u f'Novembru ser jibdew 10 persuni oħra. Dan permezz tal-Programm Headstart for Employment, programm bl-għan li jagħti spinta għal aktar opportunitajiet permezz ta' tagħlim strutturat, sessjonijiet ta' coaching individwali, u esperjenzi fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li, “Bil-Labour Migration Policy li qed inħaddmu, kumpaniji li ma jkunux konformi mal-liġi dwar il-ħaddiema b'diżabilità ma jkunux jistgħu jgħaddu mill-proċess li jġibu ħaddiema minn pajjiżi terzi. Il-miżura li ddaħħlet qed twassal biex kulħadd jirregola ruħu iktar malajr. Mela mhux biss qed nirregolaw aħjar is-suq tax-xogħol ta' ħaddiema barranin imma qed noħolqu iktar ġustizzja."
Bejn Ġunju u Settembru meta bdew deħlin il-miżuri, kien hemm 227 kumpanija li ħallsu din il-kontribuzzjoni, li bejniethom ħallsu madwar miljun ewro. Dawn il-flus qed imorru għat-taħriġ ta' persuni b'diżabilità permezz tal-Lino Spiteri Foundation.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “ir-riżultati li qed niksbu mhumiex frott ta' koinċidenza, iżda rifless ta' ekonomija b'saħħitha u strateġija ċara dwar fejn irridu naslu bħala pajjiż. Illum, Malta għandha politika soda li verament tiffoka fuq il-persuna, u dan qed jinħass fid-dinja tax-xogħol. Bejn l-2018 u llum, irnexxielna nħarrġu madwar 300 persuna b'diżabilità fid-dinja tax-xogħol permezz tal-programm INC, ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, flimkien mal-programm Way to Work li għadu għaddej permezz ta' Agenzija Sapport. Dan ix-xahar nedejna wkoll Skill UP, unit ġdida fl-Aġenzija Sapport immirata biex tissaħħaħ il-ħila u l-kompetenza ta' persuni b'diżabilità, inkluż dawk li diġà qed jaħdmu. Barra minn hekk, permezz tal-istrateġija li tgħaqqad diversi stakeholders u postijiet tax-xogħol differenti, il-CRPD ħarrġet aktar minn 18,000 ħaddiem fuq l-ambjent tax-xogħol bejn l-2020 u l-2025 sabiex nippreparaw postijiet tax-xogħol aktar inklużivi."
“Aħna determinati li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess u nsaħħu lil dawk li għandhom it-talent u l-impenn biex jaħdmu. L-inklużjoni mhijiex slogan imma hija realtà li rridu naraw fis-soċjetà tagħna ta' kuljum, u x-xogħol huwa wieħed mill-aqwa għodod biex niksbuha," temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN