Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jospita konferenza li titlob għal azzjoni favur is-salvagwardja, il-promozzjoni u l-ħarsien tal-aħjar interess tat-tfal

pr251901
Date Icon 24/10/2025

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, laqa' f'Malta delegati minn madwar l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa għal konferenza bl-isem ta' “Safeguarding the Best Interest of the Child: Justice, Protection and Inclusion."

Din il-konferenza, organizzata b'kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Kunsill tal-Ewropa, taħt il-Patroċinju tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, timmarka t-tmiem ta' ġimgħa ta' diskussjonijiet ta' livell għoli fejn il-fokus ewlieni kienu d-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja tagħna u l-aħjar interess tat-tfal.

Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru Attard afferma mill-ġdid l-impenn li Malta ilha tagħmel biex tiżgura li l-ġustizzja tkun aċċessibbli, effettiva, u effiċjenti għal kulħadd, speċjalment meta jkunu involuti t-tfal. Hu enfasizza li r-riformi kontinwi tal-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja għandhom l-għan li jħarsu u jippromwovu l-aħjar interessi tat-tfal.

“Bħala l-Ministru għall-Ġustizzja, nifhem sew li s-sistema legali mhux biss trid isservi l-ġustizzja imma trid tagħmel dan b'mod li jkun inklużiv, protettiv u sensittiv għat-tfal. F'dan l-ispirtu, Malta qed tagħmel riforma komprensiva fis-sistema tagħha tal-Qorti tal-Familja, li timmarka l-aktar bidla sinifikanti f'aktar minn għoxrin sena," qal il-Ministru Attard.

Dawn il-laqgħat laqqgħu flimkien rappreżentanti minn 46 Stat Membru differenti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, u l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. Dan minħabba l-fatt li dawn għandhom rwol fundamentali biex jiġi żgurat li s-sistemi ġudizzjarji tagħna jibqgħu effettivi, effiċjenti, u jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-titjib fl-effiċjenza proċedurali, u t-tisħiħ tas-sistemi tal-ġustizzja għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, bil-għan li jiġi żgurat li dawn ikunu aċċessibbli għat-tfal u l-familji li s-soċjetà għandha d-dmir li tipproteġi.

Fl-indirizz tiegħu, Mattias Guyomar, il-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, faħħar ir-rwol attiv ta' Malta fit-tisħiħ tal-ġustizzja favur it-tfal, fejn il-fatturi kollha inkluż ir-riperkussjonijiet legali, psikoloġiċi, u emozzjonali, qed jiġu meqjusa.

Filwaqt li faħħar il-progress li Malta qed tagħmel biex tiżgura li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa sabiex fi proċedimenti legali jitħarsu l-aħjar interessi tat-tfal, il-President Guyomar innota li “l-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal jestendi lil hinn mill-kwistjoni tar-rappreżentanza legali fi proċedimenti ġudizzjarji. Dan iservi wkoll ta' direzzjoni, li tiżgura li qabel ma jieħdu deċiżjoni, l-awtoritajiet domestiċi jwettqu valutazzjoni bir-reqqa u ħolistika tal-kunsiderazzjonijiet fattwali, emozzjonali u psikoloġiċi, mediċi, u materjali rilevanti kollha."

Il-konferenza kienet indirizzata minn numru ta' kelliema ewlenin fosthom il-Professoressa Jennifer Davidson, Seamus Carroll, l-Imħallef Lorraine Schembri Orland, Dr Juliana Scerri Ferrante u l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler. F'din il-konferenza pparteċipat ukoll Marie-Louise Coleiro Preca, eks President ta' Malta u Konsulent Speċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, numru ta' kelliema oħrajn ħadu sehem fi tliet sessjonijiet tematiċi bit-titli: “Ġustizzja Adattata għat-Tfal – Qafas Legali u Prattiku", “L-Implimentazzjoni tal-Ġustizzja Adattata għat-Tfal u l-Isfidi li Jinqalgħu" u “Il-Faqar tat-Tfal u l-Involviment tagħhom fit-Traffikar.

Il-fatt li Malta ospitat dawn il-laqgħat jixhed it-tmexxija dejjem tikber tal-pajjiż fl-organizzazzjonijiet multilaterali u l-impenn kontinwu tagħha li tavvanza sistemi tal-ġustizzja li huma effiċjenti, ġusti, u ċċentrati fuq il-ħtiġijiet tan-nies, fejn il-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal tingħata prijorità.

Il-Ministru Attard estenda apprezzament sinċier lejn l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, u lit-tim dedikat tagħha għall-ħidma eċċezzjonali tagħhom tul il-presidenza. Hu rringrazzja wkoll lil Johan Galea, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, u t-tim tiegħu għall-isforzi bla heda tagħhom fl-ippjanar, il-koordinazzjoni, u s-sapport.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jospita konferenza li titlob għal azzjoni favur is-salvagwardja, il-promozzjoni u l-ħarsien tal-aħjar interess tat-tfal
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jospita konferenza li titlob għal azzjoni favur is-salvagwardja, il-promozzjoni u l-ħarsien tal-aħjar interess tat-tfal
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow