STQARRIJA MILL-KAMRA TAD-DEPUTATI Eve Borg Bonello tirrappreżenta l-Parlament Malti f’Laqgħa Inter-Parlamentari dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Enerġija.
Eve Borg Bonello irrappreżentat il-Parlament Malti fil-Ħamsa u Għoxrin Laqgħa Inter-Parlamentari (IPM25) dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, li saret bejn is-17 u t-18 t'Ottubru tal-2025 f'Copenhagen.
L-IPM25 hija laqgħa li tiġbor flimkien Membri tal-Parlamenti tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, gvernijiet nazzjonali, l-industrija, l-akkademja u l-għaqdiet mhux governattivi biex jaqsmu l-aħjar il-prattiki tagħhom u jiddiskutu d-direzzjoni futura tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. Il-programm iffoka fuq temi ewlenin bħall-Patt għal Industrija Nadifa, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija.
Matul iż-żjara tagħha f'Copenhagen, Borg Bonello ħadet sehem b'mod attiv f'diversi diskussjonijiet, fejn wasslet il-perspettiva Maltija bħala Stat gżira fuq il-periferija tal-Ewropa. Hija enfasizzat kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet li jirriżultaw min dan il-kuntest ġeografiku. Fil-kummenti tagħha, sostniet li minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, Malta għandha tibqa' impenjata bis-sħiħ biex tippromwovi alternattivi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari dawk il-proġetti li jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Borg Bonello qalet li l-enerġija rinnovabbli trid l-ewwel tirbaħ l-argument ekonomiku biex tkun tista' verament taħdem għal kulħadd.
Hija ħeġġet lill-uffiċjali Ewropej biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni, il-mekkaniżmi ta' finanzjament u s-sistemi ta' inċentivi jiġu aġġustati b'tali mod li jnaqqsu d-differenzi reġjonali, isaħħu lill-familji li jbatu minn faqar enerġetiku, u jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura fil-bidla lejn futur sostenibbli.
Borg Bonello qalet: “Fuq kollox, kienet opportunità biex naqsam ideat ma' kollegi minn madwar l-UE, filwaqt li nfittxu wkoll appoġġ tekniku u politika adattata għall-kuntest tal-gżejjer."
Bħala vuċi tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu Ewropew dwar l-enerġija nadifa, Eve Borg Bonello kkonfermat mill-ġdid li l-partit lest li jikkontribwixxi b'mod kostruttiv lejn futur aktar ekoloġiku għall-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN