Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita l-Konferenza Ewropea ISGT 2025 tal-IEEE: pass ieħor lejn futur aktar intelliġenti u sostenibbli

PR251899
Date Icon 24/10/2025

Malta ospitat il-konferenza prestiġjuża IEEE Power & Energy Society Innovative Smart Grid Technologies (ISGT) Europe 2025, li laqqgħet f'pajjiżna 'l fuq minn 800 riċerkatur, innovatur u esperti internazzjonali fil-qasam tal-enerġija nadifa, grids intelliġenti u teknoloġiji sostenibbli. Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

L-avveniment, li sar taħt il-patroċinju tal-Fondazzjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni f'Malta (FIRM), ġie deskritt bħala mument kruċjali fil-vjaġġ ta' Malta biex tkompli tissaħħaħ fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u tpoġġi ruħha bħala ċentru reġjonali għall-enerġija u t-tranżizzjoni diġitali.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar il-ħidma tal-FIRM u tal-partijiet kollha involuti, filwaqt li enfasizza kif il-konferenza turi l-ambizzjoni ta' Malta li tkun parti attiva mill-pajsaġġ Ewropew tar-riċerka, mhux bħala osservatur iżda bħala kontributur ta' soluzzjonijiet globali. “Il-fatt li Malta qed tilqa' konferenzi ta' din il-kobor juri kemm għandna x'noffru bħala nazzjon żgħir b'viżjoni kbira. L-enerġija, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni qed jiġu mħaddna flimkien biex nibnu futur intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din hija Malta li ma tibżax tinnova u li qed toħloq spazji fejn ix-xjenza, il-kreattività u ż-żgħażagħ jiltaqgħu," qal is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Filwaqt li rringrazzja lir-riċerkaturi, l-istudenti u l-esperti kollha li ħadu sehem, is-Segretarju Parlamentari tenna li dan l-impenn jallinja mal-Viżjoni Malta 2050, li tfittex li tpoġġi lir-riċerka fil-qalba tat-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali.

Il-President tal-FIRM, Prof. Brian Azzopardi (Dr Ing., IEEE Senior Member), saħaq li l-fatt li l-IEEE għażlet lil Malta bħala l-pajjiż ospitanti għal ISGT Europe 2025 juri kemm il-komunità xjentifika Maltija qed tikseb rispett u viżibilità fuq livell Ewropew. “Din il-konferenza hija frott ta' ħidma kollettiva li tgħaqqad lil Malta ma' komunità xjentifika internazzjonali. Bħala pajjiż, għandna kapaċità u talent li jistgħu jġibu impatt reali fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u l-innovazzjoni teknoloġika. Il-proġetti bħal PROMISE u MARINEX 1.0 huma prova ċara ta' dan," sostna Prof. Brian Azzopardi.

Il-konferenza ISGT 2025 kienet ukoll opportunità biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi f'sistemi intelliġenti tal-enerġija, il-konnettività bejn il-baħar u l-enerġija rinnovabbli, u kif Malta tista' tkompli tkun “laboratorju ħaj ta' innovazzjoni" fil-Mediterran.

Din l-inizjattiva tkompli tikkonferma l-impenn tal-Gvern Malti biex jinvesti fir-riċerka bħala pedament għall-prosperità nazzjonali u biex iħeġġeġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tieħu sehem attiv fil-bini ta' futur aktar sostenibbli u kompetittiv.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita l-Konferenza Ewropea ISGT 2025 tal-IEEE: pass ieħor lejn futur aktar intelliġenti u sostenibbli
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita l-Konferenza Ewropea ISGT 2025 tal-IEEE: pass ieħor lejn futur aktar intelliġenti u sostenibbli
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita l-Konferenza Ewropea ISGT 2025 tal-IEEE: pass ieħor lejn futur aktar intelliġenti u sostenibbli
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow