STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Klinika ġdida ta’ aċċess rapidu fil-Ġinekoloġija
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda klinika ġdida ta' aċċess rapidu fil-Ġinekoloġija (RAC) li se toffri servizzi dijanjostiċi effiċjenti u ta' kwalità għan-nisa riferuti mill-professjonisti fil-kura primarja. Il-klinika se topera kemm fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) kif ukoll f'San Vinċenz De Paul.
L-għan ewlieni tal-klinika huwa li tivvaluta b'mod rapidu s-sintomi li f'xi każi jistgħu jkunu sinjal ta' kundizzjoni serja. Dan jinkludi sistema ġdida ta' referenza “fast-track" speċifikament għal pazjenti li jkollhom sintomi suspettużi ta' kanċer u għal dawk li jesperjenzaw demm wara l-menopawsa. Għalkemm il-maġġoranza tan-nisa riferuti lejn ir-RAC ma jkollhomx mard serju, ir-rispons rapidu tal-klinika u l-approċċ dijanjostiku komprensiv tagħha huma kruċjali biex jipprovdu serħan tal-moħħ immedjat u, fejn ikun meħtieġ, biex jiġi żgurat li t-trattament jibda malajr.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif kull pazjent se jiġi evalwat minn tim multidixxiplinarju li fejn ikun meħtieġ, jista' jsir scan tal-ultrasound pelviku u biopsy fl-istess jum. Tenna kif dan l-approċċ għandu l-għan li joffri servizz aktar effiċjenti u li jnaqqas l-anzjetà tal-pazjenti. Huwa qal kif kull sena l-klinika mistennija tilqa' madwar 300 referenza ġdida.
“Din l-inizjattiva tirrappreżenta pass importanti 'l quddiem fil-kura tan-nisa, billi tgħaqqad dijanjosi aktar bikrija ma' servizz aktar effiċjenti u ffukati fuq il-pazjent. Dan huwa mudell ta' kura li jpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru u jtejjeb ir-riżultati permezz ta' dijanjosi bikrija u intervent f'waqtu," temm jgħid Dr Abela.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN