Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Malta tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iħarsu l-waqfien mill-ġlied f'Gaża

pr251857
Date Icon 20/10/2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg jilqa' l-Pjan ta' Paċi f'Gaża bħala opportunità biex jintemm iċ-ċiklu ta' vjolenza fil-Lvant Nofsani

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iħarsu l-waqfien mill-ġlied f'Gaża, filwaqt li nkoraġġixxa lill-komunità internazzjonali biex issostni r-rankatura tal-Pjan ta' Paċi f'Gaża sabiex tissokta l-ħidma għas-soluzzjoni ta' żewġ stati.

Matul il-jum tat-Tnejn, waqt is-sessjoni t'Ottubru tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu, id-Deputat Prim Ministru Malti laqa' l-Pjan ta' Paċi f'Gaża, imħabbar aktar kmieni dan ix-xahar, u l-waqfien mill-ġlied li dan wassal għalih, filwaqt li faħħar lill-Istati Uniti, l-Eġittu, il-Qatar u t-Turkija għall-medjazzjoni tagħhom f'din il-ftehim.

“Dan il-Pjan huwa opportunità biex noħorġu miċ-ċiklu ta' vjolenza li ilu jaħkem lill-popli ta' Iżrael u tal-Palestina, u biex nidderieġu l-ħidma lejn orizzont politiku li jfassal pjan ċar u kredibbli lejn ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan u s-soluzzjoni ta' żewġ stati," hu stqarr.

Filwaqt li fakkar li, kif kien ikkonfermat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, is-sitwazzjoni f'Gaża tibqa' fraġli ħafna, Dr Borg appella għat-twettiq sħiħ tal-ewwel fażi tal-Pjan ta' Paċi mill-aktar fis, inkluż ir-rilaxx tal-ostaggi mejta li fadal miżmuma, li tasal l-għajnuna umanitarja f'Gaża b'mod immedjat, sigur u bla ostakli, u dħul mingħajr xkiel għall-organizzazzjonijiet umanitarji, b'mod partikolari l-UNRWA.

Fl-intervent tiegħu, appella wkoll lill-UE sabiex iżżid is-sehem tagħha, billi tissorvelja u tivverifika li l-għajnuna umanitarja qed tasal kif meħtieġ, sabiex tkompli tħeġġeġ lil Iżrael biex b'mod kostruttiv jagħti l-kontribut tiegħu fil-fażijiet li jmiss tal-Pjan ta' Paċi, u biex tappoġġja lill-Awtorità Palestinjana ħalli twettaq ir-riformi mwiegħda tagħha, lejn leġittimità demokratika, filwaqt li tikseb ir-riżorsi meħtieġa biex tkun tista' tassumi d-dmirijiet tagħha.

“Sigurtà mingħajr governanza twassal għall-kaos; governanza mingħajr għajnuna umanitarja tkun nieqsa mil-leġittimità; u għajnuna umanitarja mingħajr ambjent sigur u stabbli ma tistax titwassal b'mod effettiv. Dawn il-pilastri għandhom jimxu id f'id, biex jiġu skansati aktar ċikli ta' vjolenza," żied jgħid id-Deputat Prim Ministru Borg.

Matul il-laqgħa, Malta wissiet ukoll li aktar ma tittawwal l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, aktar qed ikun hemm theddida għall-paċi u s-sigurtà globali, hekk kif uriet solidarjetà sħiħa mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Estonja, wara li riċentement kellhom vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tagħhom mir-Russja.

“Jeħtieġ inżidu l-isforzi diplomatiċi tagħna biex niksbu waqfien mill-ġlied sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet," appella Dr Borg, hekk kif sostna li s-sħubija tal-Ukrajna fl-UE hija waħda mill-aktar mezzi b'saħħithom biex tiġi żgurata l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-kontinent Ewropew.

Ritratti: MFT

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Malta tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iħarsu l-waqfien mill-ġlied f'Gaża
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Malta tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iħarsu l-waqfien mill-ġlied f'Gaża
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow