STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI 56 attività organizzati mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex għall-festi tal-Milied
Matul ix-xahar ta’ Diċembru se jiġu organizzati 56 attività marbuta mal-Milied madwar Malta u Għawdex. Dawn l-attivitajiet se jkunu organizzati mill-Kunsilli Lokali bl-appoġġ tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, li alloka ’l fuq minn €800,000 għal dawn l-attivitajiet.
Id-dettalji tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emile Vassallo. Intqal kif 42 attività ser jittellgħu ġewwa Malta u 14-il attività ġewwa Għawdex b’investiment ta’ kważi €800,000. Ġie spjegat li wħud minn dawn l-attivitajiet se jibdew fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru, fejn hemm minnhom li se jibqgħu għaddejjin sas-6 ta’ Jannar.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, qalet kif din l-iskema li hi mfittxija ħafna mill-Kunsilli Lokali u għaldaqstant l-ammont ta’ fondi allokat din is-sena kompla jiżdied. Hija rrimarkat li l-Gvern permezz tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, assigura li r-residenti madwar Malta u Għawdex ikunu jistgħu jgawdu attivitajiet staġjonali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
“Fl-aħħar snin rajna li l-Kunsilli Lokali jkollhom l-għodod neċessarji biex mhux biss jagħmlu proġetti ta’ fejda, fosthom infrastrutturali u soċjali, fil-lokalitajiet tagħhom, iżda wkoll ikunu f’pożizzjoni li jtellgħu attivitajiet kulturali u staġjonali fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna. Dan qed iwassal biex ir-residenti jkunu jistgħu jgawdu attivitajiet fil-lokalità tagħhom stess,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli temmet tgħid li għal sena oħra d-Diviżjoni qed jaraw li dawn l-attivitajiet ikunu ta’ kwalità u livell għoli, dan sabiex il-familji jkollhom l-opportunità li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien fil-komunità.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali, Emile Vassallo, qal li d-Diviżjoni qed jaħdem id f’id mal-Kunsilli sabiex dawn l-attivitajiet ikunu ta’ livell u anke ta’ suċċess. Qal kif kulma jmur id-Diviżjoni dejjem qed jagħraf l-importanza li l-Kunsilli jtellgħu attivitajiet staġjonali għat-tgawdija u li jkunu sostenibbli sabiex jibqgħu jittellgħu fuq livell professjonali sena wara oħra.
“Din is-sena d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali se jkun qed iħallas terz tal-ispiża globali sabiex wieħed ittella’ dawn l-attivitajiet. B’hekk inkunu qed intaffu ftit mill-ispejjeż finanzjarji li dawn l-attivitajiet iġibu magħhom. Il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn dawn il-fondi resqu ’l quddiem il-proposti għall-attivitajiet tagħhom huma stess, fejn dan jgħaddi minn proċess ta’ aġġudikazzjoni u eventwalment jingħata l-finanzi sabiex ittella’ l-attività rispettiva,” temm jgħid id-Direttur Ġenerali Emile Vassallo.
Intant, il-lokalitajiet li fihom se jkunu qed jittellgħu l-attivitajiet huma; Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mellieħa, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, l-Imtarfa, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, Ħal Lija, L-Imsida, San Ġiljan, is-Swieqi, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Furjana, il-Kalkara, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, ix-Xgħajra, Ħal Qormi, iż-Żejtun, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, u ż-Żurrieq, ġewwa Malta. Filwaqt li f’Għawdex se jittellgħu attivitajiet fir-Rabat, il-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, Ta’ Kerċem, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, San Lawrenz, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN