STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Ministru Camilleri jiltaqa’ mal-Kummissarju tal-UE Roswall għal laqgħa dwar id-Deroga ta’ Riċerka fuq 7 speċi ta’ għasafar tal-għana f’Malta
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ltaqa' mal-Kummissarju responsabbli mill-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u l-Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva, Jessika Roswall. Din il-laqgħa, li saret fuq talba tal-Gvern Malti, iffukat fuq id-deroga għar-riċerka li tikkonċerna s-seba' speċi tal-għasafar tal-għana.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Fi Brussell mhux biss iltqajna mal-MEPs Maltin fejn iddiskutejna lil Għawdex kif ukoll lid-delizzju tal-kaċċa u l-insib iżda aktar minn hekk, fuq talba tal-Gvern Malti, iltqajna mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent inkluż is-settur tal-kaċċa u l-insib fejn iddiskutejna b'mod partikolari r-riċerka tas-seba' speċi tal-għasafar tal-għana. Hawnhekk żammejna l-pożizzjoni tagħna, pożizzjoni soda, pożizzjoni li anke hawnhekk spjegajna kif qiegħda taderixxi proprju mas-sentenza tal-Qorti Ewropea u anki ġiet irranġata biex proprju tirrispetta dan kollu. Però, aktar minn hekk ukoll tkellimna kif wieħed jista' jimxi id f'id sabiex ikun hemm soluzzjoni possibbilment anki fit-tul fejn tidħol din ir-riċerka u possibbilment anki inizjattivi oħrajn li proprju jkunu qegħdin jirrispettaw mhux biss lill-Kummissjoni Ewropea iżda dak kollu li jiġi deċiż mill-Qorti."
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li Malta tibqa' ssostni l-pożizzjoni tagħha, konvinta minn dak li qiegħda tagħmel u se tibqa' tesiġi kif dan il-pajjiż m'għandu xejn anqas minn pajjiżi oħrajn. Huwa esprima d-determinazzjoni tal-Gvern li dan is-settur jibqa' jkollu futur.
Il-Ministru Camilleri tenna l-impenn ta' Malta li tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħalma hu mistenni wkoll mill-Kummissjoni. Fakkar li wara s-sentenza tal-2018 dwar id-deroga li kienet tippermetti l-insib tradizzjonali, Malta onorat dan u waqqfet il-prattika. B'reazzjoni għan-nuqqas ta' informazzjoni u data xjentifika identifikata mill-Qorti, Malta introduċiet qafas leġiżlattiv ġdid taħt deroga separata, strettament għal skopijiet ta' riċerka. Din l-inizjattiva qed tiġġenera informazzjoni robusta, inkluża żieda sinifikanti fi rkupri ta' ċrieki barranin permezz tas-sistema tal-“clap-net'', li f'ċerti speċi saħansitra qabżet informazzjoni eżistenti. F'ħames snin ta' tali riċerka, l-informazzjoni miġbura minn irkupri ta' ċrieki qabżet il-100 sena ta' rkupri ta' ċrieki minn BirdLife Malta. Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġu kalkulati l-popolazzjonijiet ta' dawn l-ispeċi ta' għasafar.
Il-Ministru Clint Camilleri rrefera wkoll għas-sentenza tal-2024 tal-Qorti dwar id-deroga għar-riċerka xjentifika, li rrikonoxxiet il-preċiżjoni tal-qafas leġiżlattiv ta' Malta iżda sabet li d-dikjarazzjoni kienet nieqsa minn ġustifikazzjoni aħħarija. Huwa spjega li Malta ħadet nota ta' din is-sentenza, li ma teskludix il-possibbiltà tal-applikazzjoni tad-deroga, u, b'reazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-2024 ġiet irfinata biex tinkludi raġunament dettaljat, u dan f'allinjament sħiħ mas-sentenza.
Huwa enfasizza li r-riċerka qed titwettaq permezz ta' mudell ta' xjenza parteċipattiva miċ-ċittadini li jinvolvi li tinġabar l-informazzjoni u tiġi rreġistrata taħt superviżjoni stretta, b'miżuri ta' infurzar fis-seħħ biex jiġu evitati attivitajiet illegali. Il-Ministru Camilleri stieden lill-Kummissjoni Ewropea għal missjoni ta' verifika fuq il-post sabiex tosserva l-proġett mill-qrib u tenfasizza mill-ġdid l-impenn ta' Malta għat-trasparenza u l-kooperazzjoni.
Il-Kummissarju Roswall laqgħet id-djalogu mal-awtoritajiet Maltin, u affermat li l-Kummissjoni Ewropea tibqa' miftuħa għad-djalogu sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Liġi tal-UE. Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Kummissarju l-ġdida Roswall għal-laqgħa kostruttiva, u tenna l-intenzjoni tiegħu li jżomm djalogu miftuħ mal-Kummissjoni Ewropea. Huwa esprima ottimiżmu li diskussjonijiet fuq livell tekniku jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet kollaborattivi li jservu b'mod effettiv l-interessi reċiproki.
Il-Ministru Clint Camilleri kkonkluda billi afferma li l-iktar prijorità tiegħu tibqa' l-protezzjoni tal-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, u li jiżgura li Malta ma tiġix trattata b'mod differenti minn Stati Membri oħra.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN