STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
B'referenza għal rapporti fil-mezzi tax-xandir marbuta mal-Iskola Primarja ta' San Ġorġ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jippreċiża dan li ġej.
Kif indikat fil-Parlament mill-Ministru Clifton Grima, f'Ġunju 2025 ġie ppublikat tender għal xogħlijiet estensivi f'din l-iskola, tender li mistenni jiġi aġġudikat fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru. It-tender ikopri xogħol maqsum f'żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi tibda f'Jannar li ġej u tkun lesta sal-aħħar tas-sena 2026.
Dan ifisser li immedjatament wara t-tlestija tal-ewwel fażi, it-tfal ta' din l-skola jkunu jistgħu imorru fil-parti ġdida li tkun ġiet rinnovata, mingħajr il-ħtieġa li jitmexxew mill-iskola preżenti f'Ħal Qormi.
L-investiment totali ta' dan il-proġett jiżboq il-€15-il miljun.
Dan il-proġett ta' estensjoni u tisbiħ estensiv tal-Iskola Primarja San Ġorġ, Ħal Qormi, għandu l-għan li jittrasforma din l-iskola, li llum għandha madwar mitt sena, f'ambjent edukattiv modern, aċċessibbli u sigur għal madwar 700 tifel u tifla u l-edukaturi tagħhom.
Il-Ministeru u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, l-FTS, jibqgħu impenjati li jwettqu dan il-proġett biex joffru ambjent edukattiv ta' kwalità għat-tfal ta' Ħal Qormi u għall-komunità kollha.
Sadanittant, qed ikun assigurat li l-bżonnijiet immedjati fl-iskola inkluż manutenzjoni u xogħol rimedjali jkunu esegwiti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN