STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel Christophe Hansen fi żjara uffiċjali f’Malta
Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-agrikoltura
Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel, Christophe Hansen, temm iż-żjara uffiċjali tiegħu ta' jumejn f'Malta, li saret bejn it-12 u t-13 ta' Ottubru 2025. Din iż-żjara kienet opportunità importanti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li tkompli tpoġġi lill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin fiċ-ċentru tad-diskussjoni Ewropea dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni (CAP).
Matul iż-żjara tiegħu, il-Kummissarju kellu diversi laqgħat ta' livell għoli ma' uffiċjali tal-Gvern u mal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Agrikoltura, u żar ukoll razzett fejn iltaqa' direttament mar-raħħala u sema' mingħandhom dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw kuljum fil-prattika. Huwa kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.
Permezz ta' din iż-żjara, il-Kummissarju Hansen seta' jifhem mill-qrib ir-realtajiet tas-settur agrikolu f'pajjiżna – fosthom id-daqs żgħir tal-għelieqi u l-irziezet, in-nuqqas ta' ilma, il-ħtieġa għal innovazzjoni u t-teknoloġija fil-biedja, kif ukoll l-impatt tal-klima u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-produzzjoni.
Il-Kummissarju rrikonoxxa r-reżiljenza u d-dedikazzjoni tar-raħħala u l-bdiewa Maltin, u tenna l-impenn tal-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja pajjiżi żgħar bħalma hi Malta b'miżuri aktar proporzjonati u flessibbli.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li din iż-żjara turi r-rikonoxximent tal-Unjoni Ewropea għall-kontribut tal-agrikoltura Maltija fil-katina tal-ikel Ewropea. “Il-preżenza tal-Kummissarju Hansen f'Malta hija sinjal ċar li l-agrikoltura tagħna għandha vuċi fil-politika Ewropea. Għandna bżonn li l-politiki tal-UE jkunu sensittivi għar-realtajiet tagħna, pajjiż żgħir b'art limitata, sfidi klimatiċi, u komunità ta' raħħala u bdiewa li jaħdmu b'impenn kbir biex jipproduċu ikel ta' kwalità."
Il-Ministru żied jgħid li Malta se tkompli tħares lejn il-futur b'viżjoni ċara: li żżomm l-agrikoltura ħajja, sostenibbli u kompetittiva. “L-għan tagħna huwa li l-agrikoltura tibqa' sors ta' għajxien diċenti għar-raħħala u l-bdiewa tagħna, li nkomplu nħeġġu ż-żgħażagħ jidħlu f'dan is-settur, u li nippromwovu prattiċi agrikoli li jħarsu l-ambjent. Għaldaqstant hemm bżonn ta' politika Ewropea li tifhem lill-pajjiżi żgħar u tgħinhom jirnexxu."
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Hansen esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn tal-Gvern Malti, tar-raħħala u l-bdiewa lokali biex jippromovu agrikoltura sostenibbli u innovattiva. Huwa rringrazzja l-Ministru Refalo għall-kollaborazzjoni kontinwa u saħaq fuq l-importanza ta' politiki Ewropej li jkunu inklużivi u proporzjonati, sabiex ħadd ma jibqa' lura, lanqas l-iktar Stati Membri żgħar.
Din iż-żjara tkompli tikkonferma l-impenn komuni bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea biex jissaħħaħ is-settur agrikolu Ewropew, li jkun aktar reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN