STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI James Perry Maia jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla
L-Awtorità ta' Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għandha lil James Perry Maia bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tagħha.
Is-Sur Perry Maia għandu aktar minn għoxrin sena ta' esperjenza fil-qasam ta' tmexxija fis-settur edukattiv, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-governanza istituzzjonali. Qabel ma ngħaqad mal-MFHEA, kien Deputat Direttur tal-Institute of Business Management and Commerce tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, b'responsabbiltà tal-operazzjonijiet akkademiċi, is-sistemi tal-kwalità u l-perkors akkademiku tal-istudenti.
Huwa kellu wkoll diversi rwoli għolja fosthom Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża f'Malta (FELTOM), Direttur Eżekuttiv tas-Seminarju tal-Arċisqof, kif ukoll Deputat/Aġent Direttur fl-Istitut tal-Istudji dwar it-Turiżmu (ITS). Is-Sur Perry Maia serva wkoll bħala Uffiċjal tal-Akkreditazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) u rrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali bħala espert tal-European Credit System for Vocational Education And Training (ECVET) u tal-European Quality Assurance in Vocational Education and Training (EQAVET).
Gradwat mill-Università ta' Malta, għandu Master fl-International Marketing Management mill-Università Robert Gordon fl-Iskozja, flimkien ma' kwalifiki professjonali fit-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali.
Il-ħatra tas-Sur Perry Maia timmarka kapitlu ġdid għall-MFHEA biex din l-awtorità tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta fl-assigurazzjoni tal-kwalità, l-akkreditazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki skont l-istandards Ewropej u internazzjonali.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, jirringrazzja lil Dr Rose Anne Cuschieri tal-ħidma tagħha matul it-terminu tagħha bħala Kap Eżekuttiv tal-MFHEA u jawguralha għall-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN