STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila
Dalgħodu saret ċerimonja biex titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Dun Karm twieled f'Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta' Ottubru fl-1871 u miet proprju llum nhar it-13 ta' Ottubru 1961.
Din iċ-ċerimonja saret quddiem il-monument iddedikat għall-poeta nazzjonali li jinsab il-Furjana.
Dun Karm, ġgant letterarju, jibqa' magħruf għall-imħabba tiegħu lejn pajjiżna u kif permezz ta' kitbietu, ħeġġeġ biex pajjiżna jitmexxa mill-Maltin, b'ħelsien sħiħ minn qawwiet barranin li tul l-istorja ħakmu pajjiżna.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici tkellem dwar kif Dun Karm bħala poeta uża l-pinna tiegħu biex iwassal il-messaġġ tiegħu bil-lingwa Maltija – lingwa li fi żmienu ma tantx kienet kunsidrata bħala lingwa letterarja u b'ħidmietu bena l-apprezzament tal-lingwa Maltija. B'hekk, spjega Dr Bonnici, issaħħet l-identità tagħna.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti u l-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius.
Din l-attività kienet parti minn sensiela ta' avvenimenti mfassla biex ifakkru l-wirt letterarju u storiku tal-poeta nazzjonali Dun Karm, li ta kontribut imprezzabbli lejn l-identità u l-kultura Maltija.
Attività oħra hi skedata għal għada t-Tlieta, 14 ta' Ottubru, 2025 fil-Palazz tal-President, San Anton, Ħ'Attard.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN