STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI
F'konferenza organizzata mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi dwar il-Viżjoni Malta 2050 bit-tema 'Mobilità Sostenibbli u Infrastruttura', ġew diskussi diversi aspetti relatati ma' dan is-settur, bil-parteċipazzjoni ta' numru ta' stakeholders u organizzazzjonijiet. Din il-konferenza hija parti minn proċess usa' ta' konsultazzjoni u informazzjoni marbuta mal-viżjoni tal-Gvern sas-sena 2050.
L-avveniment laqqa' flimkien rappreżentanti minn Transport Malta u Infrastructure Malta flimkien ma' akkademiċi, NGOs u l-komunità kummerċjali, sabiex jiddiskutu l-prijoritajiet u l-pass li jmiss lejn sistema ta' trasport sostenibbli u infrastruttura moderna, effiċjenti u reżiljenti.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, li saħaq dwar l-importanza ta' diskussjoni miftuħa, realistika u bbażata fuq prinċipji ċari, bil-għan li jinbena qafas ta' mobilità li jirrifletti l-ħtiġijiet reali taċ-ċittadin. Huwa elenka numru ta' miżuri implimentati u li qed iħallu l-frott mill-inizjattiva 'Reshaping Our Mobility' filwaqt li semma numru ta' alternattivi sostenibbli li qed joffri l-Gvern fosthom trasport pubbliku fuq l-art bla ħlas, rotot ġodda bil-ferry, inċentivi għal carpooling u servizzi ta' park & ride fost oħrajn.
Dr Jonathan Spiteri mit-tim tal-Viżjoni Malta 2050 spjega kif il-Viżjoni taspira lejn sistemi li jżommu lill-pubbliku fil-qalba tagħhom, u għalhekk permezz ta' teknoloġiji ġodda u investimenti strutturali sostenibbli, se nkunu qed naraw tibdil fil-mod ta' kif wieħed jivvjaġġa, u ta' kif infasslu l-loġistika tagħna, kemm jekk hux fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru.
Matul it-tieni parti tal-konferenza, saru numru ta' interventi minn dawk preżenti, f'diskussjoni mal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, Kurt Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Steve Ellul. Id-diskussjoni ffukat fuq il-passi konkreti li qed jittieħdu biex titjieb il-konnettività u l-infrastruttura f'pajjiżna, kif ukoll l-isfidi relatati ma' bidla fil-mentalità u tibdil fl-użu tal-infrastruttura eżistenti.
Il-konferenza uriet kunsens ċar fost il-parteċipanti dwar il-bżonn ta' approċċ kollaborattiv, strateġiku u mifrux fuq medda twila ta' żmien, sabiex il-mobilità f'Malta tkun ta' benefiċċju kemm għall-komunitajiet lokali kif ukoll għall-ekonomija nazzjonali.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni Malta 2050 hija miftuħa u kull min jixtieq jista' jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu fuq envision2050.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN