STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB Investiment dirett fit-tfal u ż-żgħażagħ u l-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija
Kif tħabbar fil-Budget li għadda, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbar li fetħu r-reġistrazzjonijiet għall-ġenituri u gwardjani biex kull student f'Malta u Għawdex ta' bejn il-5 u 16-il sena (Yr 1 - Yr 11) jirċievi voucher ta' €20 li jista' jintuża waqt il-ħinijiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f'Novembru li ġej, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
B'investiment ta' €625,000 fuq aktar minn 31,000 student fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti, qed tingħata spinta lill-bejgħ tal-kotba tul il-ħamest ijiem ta' dan l-avveniment nazzjonali, li se jsir bejn l-Erbgħa 5 u l-Ħadd 9 ta' Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta' Qali.
Il-Ministru Clifton Grima qal li din hija inizjattiva oħra li tħabbret fil-Budget li għadda li se jgawdu minnha l-istudenti. “Aħna kommessi li npoġġu l-ktieb fil-qalba tal-ħajja Maltija, u għalhekk mhux biss qed ngħinu biex uliedna jibnu librerija fid-dar tal-ġenituri tagħhom, imma qed nagħtu wkoll appoġġ lil din l-industrija li qed iżżomm ħaj il-ktieb u l-letteratura," qal il-Ministru Grima.
Il-Kap Eżekuttiv tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri radd ħajr lill-Gvern ta' din l-inizjattiva li għall-ewwel darba hija estiża għall-istudenti kollha ta' Malta u Għawdex u tal-appoġġ bla preċedent biex din il-miżura tiġi implimentata. Huwa rrimarka li din l-inizjattiva se toffri opportunità unika li tressaq ħafna nies ġodda kemm lejn il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb imma iżjed minn hekk lejn il-ktieb Malti. Għalhekk dan ifisser żieda potenzjali sostanzjali fil-bejgħ minn pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba matul il-ħamest ijiem tal-Festival.
Din l-inizjattiva se tiffaċilita x-xiri tal-kotba mill-istudenti u l-familji tagħhom, u b'hekk tħeġġeġ il-qari, il-litteriżmu fit-tfal u ż-żgħażagħ, u l-użanza li f'kull dar ikun hemm librerija żgħira, filwaqt li wkoll tistimula l-bejgħ tal-kotba u b'hekk tinjetta aktar flus fl-industrija tal-kotba u għand il-professjonisti li jiffurmawha. Permezz tagħha t-tfal, żgħażagħ u familji għandhom inċentiv eċċellenti biex iżuru l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-akbar avveniment fil-Gżejjer Maltin relatat mal-kotba u l-qari, li jiġbor taħt saqaf wieħed il-maġġorparti tal-pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba Maltin.
Ir-reġistrazzjonijiet għall-voucher jiftħu mis-Sibt 11 ta' Ottubru, u jagħlqu l-Ħadd 9 ta' Novembru. Jistgħu jirreġistraw il-ġenituri jew gwardjani ta' tfal żgħar, kif ukoll dawk iż-żgħażagħ li jistgħu jirreġistraw individwalment. Jekk it-tfal se jattendu diġà l-Festival mal-klassi tagħhom, m'għandhomx għalfejn ikunu rreġistrati għax il-voucher jingħatalhom meta jaslu l-MFCC.
Filwaqt li r-reġistrazzjoni ssir fis-sit vouchers.ktieb.org.mt, il-voucher jintbagħat b'email. Biex jissarraf tista' tintuża kemm il-verżjoni diġitali jew min irid jista' jippreżenta kopja pprintjata. Il-voucher se jkun maqsum f'4 ta' €5 il-wieħed.
Aktar dettalji dwar il-vouchers u l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinsabu fis-sit www.ktieb.org.mt jew ċċempel fuq 27131574.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN