Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Ministri Ewropej jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex isaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-demokrazija waqt konferenza sinifikanti f’Malta

PR251776
Date Icon 09/10/2025

Il-Ministri responsabbli għaż-żgħażagħ tas-46 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa ltaqgħu fil-Belt Valletta għall-10 Konferenza tal-Ministri responsabbli miż-Żgħażagħ, bit-tema “Young People for Democracy: Youth Perspectives in Action".

Din kienet l-ewwel Konferenza Ministerjali dwar iż-Żgħażagħ li saret wara assenza ta' 13-il sena, li tenfasizza l-impenn ġenwin ta' Malta biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni, id-djalogu u l-impenn taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Il-Konferenza Ministerjali ntemmet b'impenn qawwi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u biex tissaħħaħ il-politika Ewropea taż-żgħażagħ bħala forza ewlenija għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u s-saltna tad-dritt.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset, enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li terġa' tinbena l-fiduċja taż-żgħażagħ fid-demokrazija permezz ta' parteċipazzjoni u djalogu ġenwin.

Fl-għeluq tal-Konferenza, il-Ministri adottaw Dikjarazzjoni li tirrikonoxxi li ż-żgħażagħ huma aġenti ewlenin tal-bidla fit-tranżizzjonijiet diġitali, demografiċi u ambjentali tal-Ewropa. Huma rriaffermaw li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija essenzjali għat-tiġdid demokratiku u wiegħdu li jdaħħlu dawn il-prinċipji f'politiki u programmi konkreti mmirati lejn iż-żgħażagħ, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Reykjavík u l-Prinċipji għad-Demokrazija.

Il-Ministri enfasizzaw li l-paċi, il-ġustizzja u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kruċjali biex jiġu protetti d-drittijiet taż-żgħażagħ, u appellaw għal tiġdid ta' investiment fl-edukazzjoni għaċ-ċittadini, fid-djalogu interkulturali, u tisħiħ tal-paċi biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Huma wiegħdu wkoll appoġġ aktar b'saħħtu biex jiġu indirizzati fuq livell Ewropew il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ostakli fis-settur edukattiv u dak tal-akkomodazzjoni, in-nuqqas ta' rappreżentanza taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet politiċi, kif ukoll il-bżonnijiet urġenti taż-żgħażagħ li huma affettwati mill-kunflitti, l-esklużjoni diġitali u l-isfidi tas-saħħa mentali.

Filwaqt li rrikonoxxew l-urġenza tal-kriżi klimatika, il-Ministri rriaffermaw id-dritt taż-żgħażagħ għall-espressjoni ħielsa, għal protesti paċifiċi u l-azzjoni kollettiva favur il-ġustizzja ambjentali. Huma laqgħu wkoll il-progress lejn Charter Ewropew dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali.

Il-konferenza adottat ukoll Qafas ta' Referenza dwar il-Perspettiva taż-Żgħażagħ, li għandu l-għan li jintegra b'mod sistematiku l-perspettivi taż-żgħażagħ f'kull qasam ta' politika u teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fil-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi membri.

L-avveniment intemm b'radd ta' ħajr lill-Gvern Malti għat-tmexxija tal-laqgħa u l-ospitalità tiegħu. Bħala Chairman tal-Konferenza, il-Ministru Clifton Grima laqa' l-aħbar li Lussemburgu se tospita l-Konferenza Ministerjali li jmiss fl-2028.

Il-Konferenza tal-Belt Valletta timmarka impenn imġedded biex iż-żgħażagħ jitpoġġew fil-qalba tal-futur demokratiku tal-Ewropa.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Ministri Ewropej jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex isaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-demokrazija waqt konferenza sinifikanti f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow