Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: L-10 Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ biex tifforma l-futur tal-politika taż-żgħażagħ fl-Ewropa

pr251768
Date Icon 09/10/2025

L-10 Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ, li qed titlaqqa' bit-tema 'Young People for Democracy: Youth Perspectives in Action', qed issir bejn it-8 u d-9 ta' Ottubru 2025 f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, Malta. Għall-konferenza qed jattendu madwar 400 parteċipant – komunità unika ta' ministri responsabbli għaż-żgħażagħ, uffiċjali għolja, rappreżentanti mis-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ, u delegati żgħażagħ mis-46 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Stati osservaturi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Istituzzjonijiet Imsieħba huma wkoll preżenti.

Il-konferenza nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. L-avveniment qed jiġi organizzat fuq l-inizjattiva u l-istedina tal-Gvern ta' Malta, fil-qafas tal-Presidenza ta' Malta tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li poġġiet il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-demokrazija fil-qalba tal-aġenda tagħha.

“Iż-żgħażagħ tal-Ewropa qed juru l-preokkupazzjoni tagħhom dwar il-gwerer li qed jaffaċċjaw fi żmienhom, dwar il-kriżi klimatika, u dwar it-teknoloġiji li qed ibiddlu ħajjithom. Din il-laqgħa hija l-opportunità tagħna biex inwieġbu għall-appell tagħhom u nuru li d-demokrazija tagħti frott, billi niżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom leħen veru fid-deċiżjonijiet li jiffurmaw l-Ewropa tal-lum," qal is-Segretarju Ġenerali Berset qabel il-ftuħ tal-konferenza f'Malta.

Il-Konferenza Ministerjali se tirrevedi l-progress u l-iżviluppi li seħħew minn meta saret l-aħħar laqgħa 13-il sena ilu (fl-2012), u se toffri forum biex ikun hemm skambju ta' prattiċi tajba, jissaħħaħ l-impenn politiku, u tingħata direzzjoni għall-politika Ewropea taż-żgħażagħ għad-deċennju li ġej. Il-ministri mistennija jadottaw dikjarazzjoni finali u riżoluzzjoni li juru l-prijoritajiet komuni biex jissaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u r-reżiljenza demokratika madwar l-Ewropa.

“Jiena kunfidenti li l-laqgħa din il-ġimgħa mhux biss se tkun waħda ta' ispirazzjoni u li se tkun produttiva, imma wkoll se tagħti enerġija u spinta ġdida għall-impenn komuni tagħna biex nappoġġjaw liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u nagħtuhom is-setgħa li jifformaw il-futur tagħhom u tal-Ewropa. Malta mhux biss kellha rwol sinifikanti fil-promozzjoni u l-avvanz tal-politiki taż-żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ix-Xogħol taż-Żgħażagħ, imma kienet ukoll proattiva biex tintegra l-valuri u l-aspirazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fil-politiki Nazzjonali għaż-żgħażagħ," qal il-Ministru Clifton Grima fid-diskors tal-ftuħ tiegħu.

It-tħejjija tal-konferenza saret bi sħubija maż-żgħażagħ u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, rappreżentati permezz tal-Kunsill Konsultattiv għaż-Żgħażagħ u l-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ. Nina Grmuša, Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għaż-Żgħażagħ u tal-Kunsill Konġunt għaż-Żgħażagħ, u Rareș Voicu, President tal-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ, huma mistennija jindirizzaw lill-ministri f'isem is-settur taż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Ir-riżultati tal-konferenza se jikkontribwixxu għall-Patt Demokratiku l-ġdid għall-Ewropa (New Democratic Pact for Europe), li huwa inizjattiva kollettiva u inklużiva mmirata lejn it-tiġdid tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, l-amplifikazzjoni tal-benefiċċji tad-demokrazija, u li l-impenn demokratiku jsir aktar konkret u rilevanti, speċjalment għal ġenerazzjonijiet iżgħar.

Ritratti: DOI-MEYR

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: L-10 Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ biex tifforma l-futur tal-politika taż-żgħażagħ fl-Ewropa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: L-10 Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ biex tifforma l-futur tal-politika taż-żgħażagħ fl-Ewropa
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow