STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “Semmgħu leħinkom”, id-Deputat Prim Ministru Borg iħeġġeġ lill-istudenti tal-Università
Il-mexxejja tal-Kunsill tal-Ewropa jiddiskutu temi globali mal-istudenti fil-kampus
“Inħeġġiġkom biex issemmgħu leħinkom fit-tfassil tal-politika li se tiddefinixxi l-futur tagħkom — għaliex id-demokrazija tista’ tiffjorixxi biss meta ż-żgħażagħ jieħdu sehem b’mod attiv fil-ħidma biex noħolqu l-komunitajiet li tixtiequ tgħixu fihom.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ meta kien qed jindirizza lill-istudenti waqt taħdita dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Erbgħa filgħodu, fl-Università ta’ Malta.
Fil-kariga tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa 2025, Dr Borg indirizza lill-istudenti waqt l-attività European Voices: Conversations on Campus, li ttellgħet mill-Università u l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa. Fl-istess laqgħa, kien hemm ukoll taħditiet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, u mill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), Theodoros Rousopoulos.
Id-Deputat Prim Ministru, li hu stess beda l-karriera politika tiegħu fl-età ta’ 19-il sena meta ġie elett Sindku ta’ Ħad-Dingli, sostna li t-tisħiħ ta’ sehem iż-żgħażagħ mhuwiex biss waħda mill-prioritajiet tal-Presidenza ta’ Malta, iżda impenn nazzjonali fit-tul biex iż-żgħażagħ jingħataw vuċi u siġġu mal-mejda tad-deċiżjonijiet, bħala imsieħba ugwali fil-ħidma lejn futur aktar demokratiku.
“Mill-iżgħar kap ta’ delegazzjoni fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, għall-iżgħar Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, sal-iżgħar Ambaxxatur fit-tmexxija tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri, Malta qed tkompli turi li ż-żgħażagħ kapaċi jmexxu b’serjetà,” hu stqarr.
Dr Borg laqa’ lill-ministri responsabbli miż-żgħażagħ tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li din il-ġimgħa jinsabu fil-Belt Valletta għall-Konferenza dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Demokratika, avveniment ieħor ewlieni tal-Presidenza Maltija.
Dr Borg tkellem ukoll dwar l-irwol ta’ Malta fil-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali. “F’diversi okkażjonijiet, Malta serviet ta’ pont bejn reġjuni differenti, fejn uriet li pajjiżi żgħar jista’ jkollhom irwol ewlieni fil-ħidma għall-paċi. Propju għalhekk ġejna magħżula biex immexxu l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) s-sena li għaddiet. U l-ġimgħa li għaddiet inħatret l-ewwel Rappreżentant Speċjali Malti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, biex tmexxi temi sensittivi dwar il-ħarsien tat-tfal f’kunflitti armati,” hu spjega.
Tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa u lil hinn minnha, Malta se tkompli taħdem għal soċjetajiet inklużivi, fejn kull persuna tħossha li hija parti mill-komunità. “Irridu naspiraw għal komunitajiet mibnija fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza demokratika, u s-saltna tad-dritt. Huwa biss hekk li jista’ jkollna soċjetajiet li tassew jagħtu kenn lil kulħadd,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN