STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI It-toroq tal-Birgu se jerġgħu jinxtegħlu bix-xemgħat
L-avveniment annwali ta’ Birgufest, se jkun qed jerġa’ jittella’ fi tmiem din il-ġimgħa, fejn fost l-attivitajiet se terġa’ tispikka l-attività ta’ nhar is-Sibt, dik ta’ ‘Birgu by Candlelight’, fejn it-toroq, sqaqien u turġien tal-Birgu jinxtegħlu bix-xemgħat.
L-attività se tkun qed issir fuq jumejn, bejn il-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru u s-Sibt 11 ta’ Ottubru, bil-qofol jintlaħaq is-Sibt filgħaxija. Id-dettalji dwar Birgufest 2025 tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, is-Sindku tal-Birgu John Boxall, Kunsilliera u d-Direttur għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni għall-Gvern Lokali Marisa Pisani.
L-attività tal-Ġimgħa filgħaxija se tkun tikkonsisti f’kunċert imtella’ minn Stream, The Alchemists u Xarulu. Il-qofol ta’ din l-attività mbagħad jintlaħaq is-Sibt filgħaxija fejn se jkunu qed jinxtegħlu mal-20,000 xemgħa fil-qalba ta’ din il-belt storika. Iżda apparti dan se jkunu qed jinfetħu l-knejjes kollha, il-Forti Sant Anġlu u l-Palazz tal-Inkwiżitur.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din l-attività saret waħda mistennija minn bosta Maltin, hekk kif din l-attività toffri diversi innovazzjonijiet differenti kull sena. “Permezz ta’ din l-attività qed jiġi espost is-sabiħ u kif ukoll il-fatturi uniċi tal-Belt Vittoriosa. Il-Kunsill Lokali tal-Birgu permezz ta’ din l-attività qed ikompli jesponi s-sbuħija ta’ din il-belt mimlija storja rikka. Tista’ tgħid li kważi ta’ kull ġimgħa qed tittella’ attività differenti mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex matul is-sena kollha. Dawn l-attivitajiet li qed isiru grazzi għall-għajnuna finanzjarja tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, dejjem qed jiżdiedu fil-popolarità u fil-kwalità,” qalet Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid kif din l-attività hi ħolqa oħra importanti minn kullana ta’ attivitajiet li jittellgħu fil-Kottonera. Hija tenniet li permezz ta’ finanzjament maħruġ minn-skemi tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali dawn l-attivitajiet qed ikunu jistgħu jibqgħu isiru sena wara oħra.
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall qal kif dan l-avveniment, b’mod partikolari dak tas-Sibt filgħaxija daħal fil-kalendarju annwali kulturali. Spjega kif l-avveniment sar imfittex minn eluf ta’ persuni, għaliex permezz tiegħu toħroġ b’mod aktar apert l-identità tal-Birgu. Huwa qal kif din is-sena, il-Pjazza riġenerata tal-Birgu se tkun qed tkompli tikkumplimenta din l-attività, hekk kif se jkunu qed jittellgħu għadd ta’ attivitajiet f’din il-pjazza.
“Bħala Kunsill Lokali nagħtu importanza kbira lil din l-attività għaliex permezz tagħha qed ngħollu isem il-Birgu u qed iservi wkoll bħala vetrina ta’ dak kollu li toffri din il-belt Vittoriosa. Il-Kunsill Lokali ħa ħsieb ukoll iqassam xemgħat lir-residenti ħalli nkomplu inħeġġu lill-Girbin jipparteċipaw. Inħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu għal din l-attività mill-isbaħ,” qal is-Sindku John Boxall filwaqt li rringrazzja lid-Diviżjoni u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali tal-għajnuna u s-sostenn tagħhom sabiex tittella’ din l-attività, kif ukoll għadd ta’ attivitajiet oħra matul is-sena.
Intant, għal dan l-avveniment, kemm il-Ġimgħa kif ukoll is-Sibt filgħaxija se jkun qed jiġi estiż is-servizz tal-Ferry bejn il-Kottonera u l-Belt sas-02:00am, filwaqt li s-servizz tal-Linja mill-Birgu se jiġi estiż ukoll sas-02:00am.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN