STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Inawgurat Ġnien l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ – Spazju miftuħ iddisinjat mit-tfal għall-familji
Imħawla 50 siġra indiġena, 550 pjanta, żona għall-pikniks u basketball court
“Ġnien l-Indipendenza huwa proġett speċjali għaliex minn tpinġija fuq karta mit-tfal issa jista’ jitgawda b’mod tanġibbli mill-familji lkoll flimkien.” Hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza, spazju miftuħ u aħdar ta’ 1,400 metru kwadru fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Ġnien l-Indipendenza, imwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, huwa proġett, li ftit snin ilu, permezz tal-inizjattiva KomunitArja ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society, kien ħolma ta’ 900 tifel u tifla.
“Illum, l-ideat li dawn it-tfal kienu pinġew saru realtà u ser jibdew ikunu mgawda minn dawn l-istess tfal u l-familji li jżuru dan il-ġnien,” enfasizza Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid kif dan l-ispazju miftuħ, li jingħaqad mal-ispazju fiż-żona Ta’ Ramija fis-Siġġiewi, li wkoll sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u kien parti mill-inizjattiva KomunitArja huwa xhieda ta’ kif dan il-Gvern iħaddem il-politika tiegħu.
“F’dan il-ġnien, it-tfal riedu żona fejn flimkien mal-ġenituri tagħhom u sħabhom jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità u għalhekk addottajna l-idea tagħhom u ħloqna żona għall-pikniks. Riedu basketball court fejn jistgħu jilagħbu u jiġru lkoll flimkien, addottajna din l-idea u fassalna basketball court,” sostna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Iċ-Chairperson ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett. “Ninsab ferħana li t-tfal u l-adolexxenti ġew mismugħa u llum il-Ġnien l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ sar spazju li jirrifletti l-aspirazzjonijiet tagħhom. Grazzi lis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia li wera determinazzjoni li jsaħħaħ il-vuċi tat-tfal u l-adolexxenti permezz tal-proċess ta’ konsultazzjoni li The Malta Foundation for the Wellbeing of Society wettqet bil-Proġett KomunitArja. Rikonoxximent speċjali lill-Kunsilli Lokali tat-Tfal, li b’ideat, ħsibijiet u aspirazzjonijiet tagħhom, qed jagħtu direzzjoni ġdida lill-komunitajiet tagħna.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku Steve Zammit Lupi rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li b’ħidmietu qiegħed jagħti lura lir-residenti Żebbuġin spazju miftuħ u aħdar li issa jista’ jerġa’ jibda jitgawda minnhom.
Fi Ġnien l-Indipendenza, li għal diversi snin kien spazju abbandunat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħawwel 50 siġra indiġena u 550 pjanta li jħaddru tul is-sena kollha. Ġiet installata sistema ġdida ta’ tisqija sabiex il-ġnien ikun jista’ jissaqqa skont il-ħtieġa. Kull min se jżur dan il-ġnien se jkun jista’ japprezza funtana ġdida li ġiet integrata fid-disinn.
Ir-riġenerazzjoni ħolistika kienet tikkonsisti fi tħaffir ta’ ġibjun li fiha jinġabar l-ilma tax-xita mit-toroq tal-madwar u li se jkun qed jintuża għat-tisqija tal-ġnien. Waqt il-fażi tat-tfassil tal-proġett ried jinstab post fejn il-pompi jkunu jistgħu jitwaħħlu u fil-fatt inbniet kamra u fiha tpoġġew żewġ tankijiet, wieħed tal-10,000 litru ħalli jintuża għat-tisqija u l-ieħor ta’ 3,000 litru biex jissupplixxi l-funtana. L-ilma mill-ġiebja se jkun qed jiġi trasferit awtomatikament permezz ta’ pompa ħalli l-ilma tax-xita jintuża b’mod għaqli u sostenibbli.
Mil-lat sostenibbli, ġew installati numru ta’ panelli fotovoltajiċi li jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex jissupplixxu lil dan il-ġnien bid-dawl. Ma’ din is-sistema, kienet installata wkoll infrastruttura għall-karozzi elettriċi. Biex tkun imsaħħa s-sigurtà tal-ġnien ġiet installata wkoll sistema tas-sigurtà.
L-inawgurazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza saret bis-sehem tal-Kunsill Lokali tat-Tfal, iż-Żebbuġ Baden Powell Scouts Malta kif ukoll iż-Żebbuġ Scout Group li flimkien ħolqu atmosfera ferriħija u li għaliha ġie mfassal dan il-proġett b’investiment ta’ madwar miljun ewro.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN