STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGHAŻAGH, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jibdew jitqassmu l-laptops lil kull student ta’ Sena 7
Kif tħabbar lejn tmiem Settembru, mil-lum bdew jitqassmu l-laptops lil kull student u studenta ta' Sena 7, kemm fl-iskejjel statali kif ukoll f'dawk mhux statali, li għalhekk se jirċievu laptop personali bħala parti mill-proġett One Device Per Child (ODPC), inizjattiva ta' €54 miljun kofinanzjata minn fondi nazzjonali u Fondi Ewropej. L-ewwel fażi (sena skolastika 2025/26) se tkun għall-istudenti tas-Snin 7, 8 u 9.
“Din hija wegħda tal-manifest elettorali li llum qed nibdew inwettqu," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, I-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u I-Innovazzjoni Clifton Grima, meta dalgħodu flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u I-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, żaru I-Kulleġġ Maria Regina fin-Naxxar fejn bdew jitqassmu dawn il-laptops fl-Iskola Medja tan-Naxxar.
Permezz ta' din l-inizjattiva kull student tas-sekondarja se jirċievi laptop personali flimkien ma' aċċess għal riżorsi diġitali ta' kwalità għolja. L-edukaturi se jibbenefikaw ukoll minn taħriġ kontinwu biex jintegraw b'mod effettiv l-għodod diġitali fil-klassi. Dan il-proġett jirrappreżenta pass storiku biex tingħeleb id-diviżjoni diġitali u tinbena ġenerazzjoni lesta għall-futur.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett hu pass importanti biex kull student ikollu aċċess ugwali għal edukazzjoni moderna u inklużiva. Huwa spjega li permezz tal-fondi Ewropej, il-Gvern qed jinvesti fit-tagħlim u fl-ugwaljanza ta' opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.
“Bil-proġett One Device Per Child qed inwasslu viżjoni li tħejji lit-tfal tagħna għal soċjetà diġitali u għall-impjiegi tal-futur. Dan l-investiment mhux biss jindirizza l-ħtiġijiet tal-lum iżda qed jibni pedament għal sistema edukattiva aktar b'saħħitha u ġusta għal kulħadd," temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
L-inizjattiva għandha warajha erba' objettivi ewlenin: It-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni kemm fl-iskola kif ukoll id-dar; il-promozzjoni ta' tagħlim inklużiv u ta' kwalità għolja għal kull student, irrispettivament mill-isfond jew l-abbiltajiet tiegħu; is-saħħa tal-impenn diġitali u t-tisħiħ tat-trasformazzjoni edukattiva ta' Malta u t-tnaqqis fir-rata ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni permezz ta' tisħiħ tal-ħiliet diġitali tagħhom.
Il-Ministru Grima fakkar li dan huwa proġett ħafna aktar usa' li permezz tiegħu qed jinħoloq ambjent ta' tagħlim inklużiv, interattiv u innovattiv li jagħti lil kull student l-opportunità li jirnexxi f'dinja diġitali. Permezz tat-teknoloġija, it-taħriġ u r-riżorsi, il-proġett jappoġġja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Edukazzjoni Diġitali tal-Unjoni Ewropea u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, filwaqt li jallinja lil Malta mal-għanijiet Ewropej għal soċjetà b'ħiliet diġitali u inklużiva.
Apparti l-laptops il-proġett jipprovdi wkoll kontenut diġitali b'riżorsi allinjati mal-kurrikulu u b'hekk jagħmel it-tagħlim aktar interattiv u attraenti. Ingħatat attenzjoni biex l-apparat jinkludi protezzjoni u filtrazzjoni biex jinħoloq ambjent ta' tagħlim diġitali sikur.
Dan il-proġett jenfasizza l-impenn ta' Malta biex tipprovdi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa l-għodod u l-opportunitajiet meħtieġa biex din tirnexxi f'dinja li dejjem qed tiddependi aktar fuq il-ħiliet diġitali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN