STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inawgurat il-pitch tal-football ta’ Swieqi United b’wiċċ sintetiku ġdid fl-Iskola Primarja ta’ Pembroke
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien ma' rappreżentanti tal-iskola, Swieqi United FC u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football, inawgura l-pitch tal-football ta' Swieqi United FC b'wiċċ sintetiku ġdid, li jinsab fl-Iskola Primarja ta' Pembroke.
Dan il-proġett sar bħala parti minn programm li jinvolvi l-bdil tal-uċuħ tal-pitches sintetiċi li ilu għaddej mill-2021, b'investiment totali ta' madwar €8 miljun. Permezz ta' dan l-investiment, il-Gvern qed jassigura li l-faċilitajiet sportivi madwar il-gżejjer Maltin jibqgħu ta' kwalità għolja u siguri għall-użu tal-komunità sportiva kollha.
Il-Ministru Clifton Grima sostna li dan l-investiment jirrifletti l-viżjoni tal-Gvern li jkompli jgħin u jsaħħaħ lill-assoċjazzjonijiet sportivi Maltin sabiex l-isport ikompli jissaħħaħ kemm fuq livell ta' klabbs lokali kif ukoll fuq livell edukattiv u komunitarju.
“L-isport għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd, f'ambjent sigur u modern. L-investiment f'dawn il-pitches ifisser aktar opportunitajiet għat-tfal, għall-istudenti u għall-komunitajiet biex ikunu attivi, jagħmlu sport u jiżviluppaw talenti ġodda," qal il-Ministru Grima.
Hu żied jgħid li din il-ħidma qed issir f'kollaborazzjoni mal-Malta Football Association, li flimkien qed jaħdmu fuq pjan strutturat ta' manutenzjoni u modernizzazzjoni kontinwa tal-pitches tal-football madwar il-pajjiż, sabiex dawn joffru l-aqwa esperjenza sportiva possibbli.
Dan il-proġett f'Pembroke huwa ħolqa oħra f'katina ta' investimenti infrastrutturali sportivi li qed isiru madwar Malta u Għawdex, bil-għan li l-isport jibqa' pilastru ewlieni fil-ħajja ta' kulħadd.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll uffiċjali tal-MFA, kif ukoll rappreżentanti tal-iskola u tal-lokalità.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN