STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat jirreferi għal numru ta’ messaġġi minn ġenituri ta’ tfal u żgħażagħ bl-awtiżmu li jattendu l-Malta Autism Centre, fejn jinsabu inkwetati minħabba li dan iċ-ċentru se jgħolli l-miżati tiegħu u jintroduċi tariffa ġdida ta’ €168 fix-xahar. Skont korrispondenza li pprovdew l-istess ġenituri lill-Ministeru, qed jingħad li dan il-pass qed isir minħabba li l-Gvern waqqaf fondi li ilhom jingħataw lil dan iċ-ċentru għal 14-il sena sħaħ.
Il-Ministeru għall-Inklużjoni jħoss li hu fid-dmir jikkjarifika l-fatti kif inhuma fejn primarjament jinnota li dan iċ-ċentru mhux qed jonora obbligi stipulati fil-Public Social Partnership u li magħhom hemm marbuta fondi pubbliċi kif ukoll il-benesseri ta' tfal u żgħażagħ li jattendu f’dan iċ-ċentru. L-interess ta’ dawn tal-aħħar jibqa’ prijorità tal-Gvern.
It-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru ilha għal numru ta’ snin tintalab sabiex tirregolarizza ruħha fuq numru ta’ punti, inkluż u mhux limitat għal-liċenzja valida tad-DQSE, rapport dwar aċċessibbiltà tal-binja minn fejn topera u Health and Safety Report aġġornat. Dan wara li rapport tas-Saħħa u Sigurtà maħruġ fis-17 ta’ Mejju fl-2022 wera numru ta’ nuqqasijiet serji, dokumentati b’ritratti.
Ir-rapport aġġornat tal-Health and Safety li pprovda l-operatur fi Frar tal-2025, kien nieqes minn dettalji bażiċi, bla ritratti u mingħajr dokumentazzjoni ċara biex turi li n-nuqqasijiet serji tar-rapport preċedenti ġew indirizzati.
L-Avukat tal-Istat fl-2025 irrimarka li d-dokument provdut mill-operatur “hu vag wisq” u jkun propizju li jkun ipprovdut wieħed aktar dettaljat biex ikun hemm serħan il-moħħ li x-xogħlijiet verament saru fl-interess pubbliku sabiex irendi l-binja sigura għat-tfal u żgħażagħ bl-awtiżmu.
Matul is-Sajf 2025, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni bagħat numru sostanzjali ta’ tfakkiriet bil-miktub li jeċċedu 12-il okkażjoni. Dan minbarra laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati.
Minkejja li fil-frattemp l-operatur għażel li jinnotifika bil-miktub lill-ġenituri li se jibda jitlob ħlas addizzjonali, il-Gvern jibqa’ dispost sabiex tiġi riżolta s-sitwazzjoni fl-aħjar interess ta’ tfal u żgħażagħ li jattendu l-istess ċentru.
Sadanittant, nhar l-Erbgħa 24 ta’ Settembru 2025 ġie spjegat mil-ġdid lill-operatur li kif jipprovdi rapport tal-Health and Safety aġġornat bir-ritratti li jiċċertifikaw li veru ġew indirizzati l-perikli li kien hemm fil-binja, flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra bażika kif spjegat aktar l-isfel, il-Gvern kien se jiffirma estensjoni tal-ftehim b’sens ta’ rieda tajba u fl-aħjar interess ta’ tfal u żgħażagħ li jattendu l-istess ċentru.
L-għada, il-Ħamis 25 ta’ Settembru 2025 dan ir-rapport ġie pprovdut u minnufih id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat talab l-informazzjoni bażika li tikkostitwixxi l-bażi tal-Public Social Partnership kif ġej:
• Dettalji tal-ħaddiema impjegati fi ħdan il-Malta Autism Centre;
• Ċertifikati tal-POMA (Rikors dwar Protezzjoni tal-Minuri – għodda għall-istituzzjonijiet edukattivi sabiex jiżguraw konformità mal-liġi fir-rigward ta’ reati mwettqa kontra minorenni.)
• VO Compliance Certificate;
• Polza ta’ Assigurazzjoni valida;
• Kopja ffirmata tal-Kontijiet Awditjati;
• Kopja valida tal-Liċenzja tad-DQSE;
• In-numru tal-kont tal-bank sabiex isiru pagamenti mill-Gvern.
Sal-lum, l-ebda minn dawn id-dokumenti ma ġew provduti lid-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità.
Il-Gvern jibqa’ kommess li jara li l-ħarsien u l-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità jingħataw prijorità, inkluż li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi. Dan fl-istess ħin, li fondi pubbliċi jintużaw b’governanza tajba.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN