STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Servizz tekniku u riċerka biex jissaħħaħ is-settur tal-majjal f’Malta
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qed jaħdem fuq inizjattiva teknika li għandha l-għan li tipprovdi servizzi ta' konsulenza mfassla apposta għall-bdiewa tas-settur tal-majjal f'Malta. Din l-inizjattiva qed issir b'kollaborazzjoni ma' CIHEAM Zaragoza, li ħatret esperti tal-majjal minn TEAGASC mill-Irlanda.
Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-produzzjoni lokali permezz ta' pariri tekniċi lir-raħħala u lill-konsulenti lokali, fejn qed jittellgħu workshops u qed jingħata taħriġ speċjalizzat. Peress li hemm xebh bejn is-settur tal-majjal Irlandiż u dak Malti fil-produzzjoni, din is-sħubija se twassal għal aktar prattiċi adattati għall-kundizzjonijiet lokali.
Żewġ esperti minn TEAGASC – Ciaran Carroll, Kap tat-Trasferiment tal-Għarfien fil-Majjal b'esperjenza ta' aktar minn 30 sena, u Emer McCrum, konsulent speċjalizzat li taħdem mill-qrib ma' bdiewa u partijiet interessati – diġà żaru Malta darbtejn bħala parti minn sitt żjarat ippjanati. Matul dawn iż-żjarat, saru laqgħat mal-kooperattivi, żjarat fuq irziezet u workshops immirati biex jgħinu lill-bdiewa jadottaw prattiċi aħjar u aktar sostenibbli.
Bħala parti miż-żjara tagħhom f'Malta, l-esperti qed iduru l-irziezet sabiex jifhmu aħjar il-prattiki tal-bdiewa u jidentifikaw l-isfidi li jistgħu jiġu indirizzati b'mod immedjat.
Fil-ġimgħat li ġejjin, se jiġi maħtur Junior Technical Specialist li joffri servizzi ta' konsulenza lir-raħħala Maltin, appoġġjat kontinwament mill-esperti ta' TEAGASC. Barra minn hekk, se jsir ukoll investiment f'sistemi ta' skennjar moderni li se jassistu lir-raħħala fix-xogħol tagħhom ta' kuljum fir-razzett u jsaħħu l-effiċjenza.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal, “Dan il-ftehim huwa pass importanti għall-futur tas-settur tal-majjal f'Malta. Permezz ta' din il-kollaborazzjoni ma' esperti internazzjonali, qegħdin nagħtu aktar għodda u appoġġ lir-raħħala tagħna sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-produttività, isaħħu l-profittabilità tagħhom u fl-istess ħin jagħtu kontribut dirett għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiż. L-introduzzjoni ta' sistemi ta' skennjar moderni flimkien mas-servizzi ta' konsulenza se twassal għal aktar stabbiltà fis-settur u għal futur aktar sostenibbli."
Din l-inizjattiva mistennija twassal għal produzzjoni ta' laħam tal-majjal aktar konsistenti, issaħħaħ il-profittabilità tar-raħħala, u fl-aħħar nett tikkontribwixxi għal ikel lokali ta' kwalità ogħla għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN