STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA L-anzjani juru l-ħiliet tagħhom fil-qalba tal-Belt Valletta
B'kommemorazzjoni tal-Jum Nazzjonali ddedikat lill-Anzjani, il-Kampus tal-Università ta' Malta fil-Belt Valletta qed jilqa' fih wirja artistika speċjali bl-isem 'Talenti b'Għożża', li se tibqa' miftuħa sal-4 ta' Ottubru 2025.
Din l-inizjattiva, ġiet imnedija mill-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) bil-għan li tqajjem għarfien dwar il-ħiliet u l-kontribuzzjoni kontinwa tal-anzjani fis-soċjetà, anke meta dawn jgħixu f'residenzi tal-anzjani madwar Malta u Għawdex. Permezz tal-proġett, l-Awtorità pprovdiet il-materjali meħtieġa lill-parteċipanti biex joħolqu xogħlijiet kreattivi, li issa se jkunu esebiti f'din il-wirja pubblika.
Il-wirja se tagħti wkoll l-opportunità lill-pubbliku jiltaqa' mal-artisti anzjani, jifhem il-proċess wara kull biċċa xogħol, u japprezza l-kura, id-dedikazzjoni u t-talent f'dawn il-kreazzjonijiet.
Waqt il-ftuħ ta' din il-wirja, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq li, “Inizjattivi bħal dawn juru li l-potenzjal tal-anzjani jibqa' preżenti, li l-ħiliet tagħhom jistgħu jagħtu valur lis-soċjetà b'modi ġodda. Dan huwa eżempju ċar ta' kif nistgħu nkomplu noħolqu spazji fejn l-anzjani jħossuhom apprezzati u viżibbli."
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-OPSA, George Fenech, irrimarka li, “Din il-wirja hi ġieħ lil dawk li, minkejja l-età u ċ-ċirkostanzi, jibqgħu juru passjoni, kreattività u ħeġġa biex jaqsmu mal-oħrajn dak li jħobbu."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN