STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U L-PROĠETTI STRATEĠIĊI Malta flimkien mal-Istati Membri tal-UE tiffirma dikjarazzjoni li ssaħħaħ l-ekosistema Ewropea fis-settur tas-semiconductors
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, illum attenda l-Kunsill tal-Kompetittività fi Brussell, fejn tenna l-impenn ta’ Malta biex tkompli ssaħħaħ il-kompetittività, l-avvanz fit-teknoloġija u t-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa.
Filgħodu, il-Ministru Schembri flimkien mal-Ministri tas-27 Stat Membru tal-UE approvaw formalment dikjarazzjoni konġunta li permezz tagħha se ssir verżjoni riveduta tal-EU Chips Act sabiex tinżamm u tissaħħaħ il-pożizzjoni globali tal-Ewropa fis-settur tas-semiconductors. Il-Ministru Schembri laqa’ din l-inizjattiva u saħaq li, “L-investiment fit-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna huwa essenzjali biex l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett fl-innovazzjoni.”
Il-Ministru Schembri enfasizza wkoll il-viżjoni ċara ta’ Malta permezz tat-twaqqif taċ-Ċentru ta’ Kompetenza għas-Semiconductors, li jirrappreżenta mhux biss infrastruttura iżda investiment fit-tul fir-rwol ta’ Malta fl-ekosistema globali tas-semiconductors, f’allinjament sħiħ ma’ Viżjoni Malta 2050.
Matul id-diskussjonijiet mal-Ministri Ewropej l-oħra, il-Ministru Schembri esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-European Competitiveness Fund (ECF) u ddeskrivieh bħala “pass fid-direzzjoni t-tajba” biex jindirizza n-nuqqas ta’ investiment fl-Ewropa kif irrappurtat fir-rapporti ta’ Draghi u Letta. Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Ministri tal-UE biex iħaffu d-diskussjonijiet u l-proċeduri sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet jitwettqu malajr u l-burokrazija ma żżommx lura l-progress.
Il-Ministru Schembri saħaq ukoll fuq l-importanza tas-simplifikazzjoni, bilanċ ġeografiku u parteċipazzjoni qawwija tal-SMEs. Barra minn hekk, Malta qed tħeġġeġ għall-ħolqien ta’ fondi dedikati għall-SMEs u Small Mid-Caps, proċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll l-użu ta’ għodod diġitali biex jitħaffu l-proċeduri. Huwa enfasizza li l-Fond għandu jappoġġja mhux biss investiment tradizzjonali iżda wkoll proġetti aktar riskjużi u strateġikament kruċjali, speċjalment f’teknoloġiji innovattivi u sabiex jipprovdi finanzjament għall-prefinanzjament.
Fuq l-Istrateġija tas-Suq Uniku, Malta kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tkompli timbotta d-diġitalizzazzjoni bħala element ewlieni biex tissaħħaħ il-kompetittività. B’referenza għall-Malta Digitali Strategy 2022–2027, il-Ministru Schembri tenna l-importanza ta’ infrastruttura interoperabbli, identità diġitali sigura u standards sinkronizzati biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozji u jiġi ffaċilitat l-investiment. Huwa laqa’ inizjattivi bħad-Digital Product Passport, l-EU e-Invoicing u l-European Business Wallet, waqt li saħaq fuq l-importanza li dawn jiġu implimentati b’mod proporzjonat u favur l-SMEs.
“Il-prosperità futura tal-Ewropa tinsab fl-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-inklużjoni. Malta hija lesta taħdem b’mod kostruttiv mal-Istati Membri kollha biex tiżgura li l-Ewropa tmexxi globalment fil-kompetittività, ir-reżiljenza u l-progress teknoloġiku,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Malta nediet iċ-Ċentru ta’ Kompetenza għas-Semiconductors — inizjattiva nazzjonali li tgħaqqad l-akkademja, ir-riċerka u l-industrija biex tħeġġeġ l-innovazzjoni, tiżviluppa ħiliet ġodda u toħloq opportunitajiet ġodda għal start-ups.
Dan jibni fuq l-akbar investiment dirett barrani fl-istorja ta’ Malta — il-fabbrika l-ġdida ta’ STMicroelectronics — u jsaħħaħ ir-rwol ta’ pajjiżna f’dan is-settur Ewropew li qed jikber b’pass mgħaġġel. Malta qed issaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni tagħha ma’ istituti ta’ riċerka ta’ fama internazzjonali bħal IMEC fil-Belġju, sabiex studenti, riċerkaturi u kumpaniji Maltin ikollhom aċċess għal laboratorji avvanzati u opportunitajiet ta’ livell għoli.
Il-Ministru Schembri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, Deputat Rappreżentant Permanenti Christopher Farrugia, u mill-Kap tas-Segretarjat Roberta Albanese Dalli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN