STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Il-proġett CONNECT: Lejn sistema nazzjonali ta’ dejta marittima għall-gżejjer Maltin
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti indirizza l-Konferenza CONNECT, li laqqgħet flimkien partijiet interessati nazzjonali, entitajiet responsabbli, riċerkaturi, operaturi u l-intrapriża privata biex jiġu diskussi l-passi li jmiss għall-ekosistema tad-dejta marittima ta’ Malta. L-avveniment iffoka fuq l-istabbiliment ta’ sistema nazzjonali kkoordinata biex tissimplifika l-osservazzjonijiet marittimi għal skopijiet ta’ monitoraġġ, servizzi tal-ekosistemi, riċerka, industrija u sigurtà.
Il-konferenza, organizzata mill-MCAST taħt il-koordinazzjoni tal-Professur Aldo Drago, punt fokali nazzjonali ta’ Malta għall-UN/IOC u l-Global Ocean Observing System (GOOS), inkludiet preżentazzjonijiet speċjalizzati u sessjonijiet ta’ konsultazzjoni interattiva. Id-diskussjonijiet se jwasslu għat-triq ’il quddiem għall-ħolqien, l-ippjanar u l-finanzjament ta’ osservazzjonijiet marittimi, favur l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tar-riżorsi marittimi u l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-baħar ta’ madwarna.
Il-proġett CONNECT, iffinanzjat direttament mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, huwa maqsum fuq tliet pilastri ewlenin: il-bini ta’ kompetenza nazzjonali fis-settur marittimu, l-istabbiliment ta’ approċċ ikkoordinat u sinkronizzat għad-dejta marittima, u l-kunsinna ta’ dejta bażika essenzjali bħala servizz.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq li, “Malta qed taħdem lejn pjan nazzjonali kkoordinat għall-produzzjoni tad-dejta marittima – wieħed li jindirizza l-bżonnijiet tal-partijiet interessati, iżid il-valur, isaħħaħ l-ekonomija blu u jservi soċjetà bbażata fuq l-għarfien. Id-dejta marittima mhijiex biss għar-riċerka; hija l-pedament tal-età tal-informazzjoni, billi tħaddan l-innovazzjoni, l-applikazzjonijiet industrijali u opportunitajiet ekonomiċi ġodda.”
Tonio Portughese, Chairman ta’ Xjenza Malta, qal, “Il-proġett CONNECT juri biċ-ċar kif Malta tista’ twettaq viżjoni fejn ix-xjenza u l-politika jaħdmu id f’id għall-ġid tal-pajjiż. L-għarfien marittimu huwa mhux biss investiment fix-xjenza iżda wkoll fil-futur tas-soċjetà tagħna, fejn id-dejta miftuħa u l-kollaborazzjoni internazzjonali se jkunu pilastri biex insaħħu l-ekonomija blu u niżguraw il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri.”
Il-Professur Aldo Drago enfasizza li, “Sistema nazzjonali ta’ dejta marittima se tipprovdilna l-għodod biex nifhmu aħjar is-saħħa tal-ekosistemi, nimmaniġġjaw ir-riżorsi b’mod sostenibbli, u niftħu toroq ġodda għall-innovazzjoni u l-intrapriża. CONNECT mhuwiex biss proġett: huwa impenn biex il-baħar ikun fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali, biex insaħħu r-rabta bejn ix-xjenza u l-ħidma politika, u biex inrawmu r-riċerka, l-innovazzjoni u d-dejta miftuħa għas-servizz tas-soċjetà. Allinjata mal-Viżjoni Malta 2050, irridu nkunu mexxejja fl-immudellar ta’ futur oċeaniku sostenibbli.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Stephen Vella, tenna l-importanza edukattiva, “Is-settur marittimu jirrikjedi forza tax-xogħol speċjalizzata f’riċerka, teknoloġija, sistemi diġitali u servizzi. Fl-MCAST, qegħdin nippreparaw talent żagħżugħ b’ħiliet xjentifiċi, tekniċi u inġineristiċi meħtieġa biex jaffaċċjaw swieq li qed jevolvu malajr u biex jaqbdu opportunitajiet ġodda fir-riċerka marittima u spazjali. B’investiment kontinwu fl-infrastruttura edukattiva tagħna, qegħdin inqiegħdu l-pedamenti għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti li se jmexxu l-innovazzjoni u t-tkabbir industrijali.”
Il-konferenza laqgħet aktar minn 70 parteċipant li kienu preżenti fiżikament kif ukoll udjenza internazzjonali li ngħaqdu għal konferenza online. Il-Konferenza kienet appoġġjata wkoll minn sħab internazzjonali fosthom Mercator Ocean International, is-Servizz Marittimu Copernicus u JPI Oceans, li jsaħħu r-rwol dejjem jikber ta’ Malta fix-xjenza u d-dejta marittima Ewropea u reġjonali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN