STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI It-tieni interconnector jilħaq pass importanti hekk kif ix-xogħlijiet fl-Italja u f’Malta javvanzaw
It-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija, proġett li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u jappoġġja l-miri tad-dekarbonizzazzjoni ta’ Malta, laħaq stadju importanti ieħor, b’xogħlijiet li qed isiru b’mod parallel f’Malta u l-Italja.
Delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin f’Ragusa, Sqallija. Permezz ta’ Interconnect Malta Ltd (ICM), il-ġurnalisti Maltin irċevew preżentazzjoni dettaljata dwar il-proġett u żaru s-siti fejn għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tħaffir u tqegħid ta’ cables. Fl-istazzjon tat-Terminal ta’ Ragusa, id-delegazzjoni żaret is-sit fejn se jiġu installati shunt reactor u transformer ġdid, fost oħrajn. Dan kollu filwaqt li għaddejja l-manifattura tal-cables ta’ fuq l-art u taħt il-baħar. Il-kostruzzjoni ta’ culvert fit-Terminal tal-Magħtab hija lesta.
It-tieni interconnector, stmat total ta’ €300 miljun u kofinanzjat mill-Programm tal-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali (ERDF) 2021–2027, huwa cable ta’ ‘alternate current’ ta’ vultaġġ għoli b’tul ta’ 122 kilometru, b’kapaċità ta’ 225 MW. Dan jinkludi 99 kilometru ta’ cable taħt il-baħar. Dan il-proġett kapitali se jirdoppja l-kapaċità ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew.
“It-tieni interconnector jifforma parti ċentrali mill-istrateġija tagħna tal-enerġija fit-tul, maħsuba biex tappoġġja futur ta’ enerġija aktar nadifa. Il-proġett se jtejjeb u jżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli minn sorsi lokali, inkluż il-proġett tal-offshore floating windfarm. Proġett li se jgħina nmexxu ’l quddiem il-miri tad-dekarbonizzazzjoni ta’ Malta. Dawn il-proġetti jwittu t-triq biex nilħqu l-miri tagħna għall-2050, filwaqt li jiżguraw li l-familji u n-negozji Maltin ikomplu jibbenefikaw minn sistema tal-enerġija stabbli, aktar nadifa u aktar effiċjenti,” qalet il-Ministru Dalli.
Analiżi tal-proġett turi kif se jitnaqqsu 13.5 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2, u b’hekk dan il-proġett iżid mal-importanza tiegħu fl-istrateġija fit-tul ta’ Malta għall-dekarbonizzazzjoni.
It-tieni interconnector qed jikkontribwixxi b’mod attiv għall-istrateġija nazzjonali tal-enerġija, bil-għan li d-diversifikazzjoni tas-sorsi timxi lejn soluzzjonijiet aktar nodfa, bħall-iżvilupp ta’ wind farm ta’ 300MW fuq il-baħar u sistemi ta’ ħażna tal-enerġija b’batteriji (BESS), li huma essenzjali għat-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa u stabbiltà fit-tul.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-importanza tat-tieni interconnector bħala l-akbar operat ta’ Malta ffinanzjat mill-ERDF, li saret possibbli permezz ta’ appoġġ sostanzjali mill-Unjoni Ewropea. Huwa enfasizza d-determinazzjoni tal-gvern li jwettaq proġetti li darba dehru li ma setgħux jintlaħqu, u li llum huma parti mill-isforzi ta’ sostenibbiltà taħt il-Viżjoni Malta 2050. “Dan l-interconnector m’huwiex biss dwar l-infrastruttura imma huwa dwar li niggarantixxu futur ta’ enerġija sigur, reżiljenti u sostenibbli għar-residenti tagħna. Flimkien mas-sħab Ewropej, qed nagħmlu din il-viżjoni realtà,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Iċ-Chairman ta’ Interconnect Malta, Godwin Agius, qal, “It-tieni interconnector huwa mibni fuq teknoloġija avvanzata, li se jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa. Dan il-proġett se jressaqna aktar lejn l-għanijiet nazzjonali tal-klima u lejn il-viżjoni tal-gvern li jkollna ekonomija ħielsa mill-karbonju sal-2050 – kisba li fl-aħħar mill-aħħar se tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN