STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tressaq proposta sabiex l-istaġun tas-sajd tal-lampuki jiftaħ f’Lulju
Fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendew għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej tal-Agrikoltura u s-Sajd.
Il-Ministru Refalo u s-Segretarju Parlamentari Bugeja Said kellhom ukoll laqgħa bilaterali mal-Kummissarju Ewropew għas-Sajd Costas Kadis, fejn ġew diskussi bosta temi ta’ interess komuni, fosthom il-proposta ta’ Malta biex l-istaġun tas-sajd tal-lampuki jiftaħ f’Lulju bħala proġett pilota, kif ukoll il-ġlieda kontra s-sajd illegali.
Waqt il-Kunsill Ewropew, il-Ministru Anton Refalo ppreżenta l-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2027, fejn laqa’ l-isforzi ta’ simplifikazzjoni u flessibilità iżda fl-istess waqt esprima t-tħassib dwar ċertu punti fejn talab li jerġgħu jiġu analizzati u appella għal aktar soluzzjonijiet adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżna. “Il-politika Ewropea għandha tqis il-karatteristiċi uniċi ta’ pajjiżna, b’aktar flessibilità fl-allokazzjoni tal-fondi u biżżejjed appoġġ għall-bdiewa żgħar u dawk li jżommu attività minima,” tenna l-Ministru Refalo.
Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin għandhom rwol fundamentali biex iżommu ħaj l-produzzjoni lokali u r-riżorsi tal-ibħra tagħna. Għaldaqstant temm jgħid li l-politika Ewropea għandha tirrifletti l-karatteristiċi uniċi ta’ pajjiżna u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex dawn is-setturi vitali jkomplu jkunu sostenibbli u kompetittivi fil-futur.
Fir-rigward tas-sajd u l-akwakultura, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said aċċennat fuq il-bżonn li l-fondi Ewropej ikunu mmirati biex jattiraw aktar sajjieda żgħażagħ permezz ta’ investimenti fis-settur, filwaqt li jkomplu jsostnu l-ħidma għal aktar sajd sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat ukoll l-isfidi li jiffaċċjaw is-sajjieda Maltin speċjalment fir-rigward ta’ sajd illegali. “Is-sajd mhuwiex biss professjoni iżda parti mill-identità u l-wirt tagħna bħala Maltin. Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-vuċi tas-sajjieda Maltin tinstema’ u tassigura li l-prattiċi illegali jieqfu. Għalhekk Malta qed tipproponi li jsir proġett pilota fejn l-istaġun tal-lampuki jiftaħ fix-xahar ta’ Lulju. Dan qed jiġi propost ukoll għaliex anke qed jidher li l-lampuki qed ipassu qabel fil-Mediterran.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN