STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-Gozo International Puppet Festival fl-Għarb
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-Gozo International Puppet Festival nhar is-26, 27 u 28 ta’ Settembru 2025, fil-Pjazza taż-Żjara tal-Madonna, fl-Għarb. Dan il-festival uniku jiġbor flimkien l-arti, il-kreattività u jservi ta’ divertiment għall-familji kollha fil-qalba tal-Għarb.
Din is-sena, il-festival jerġa’ joffri esperjenza mill-aktar vibranti b’varjetà ta’ wirjiet u attivitajiet: pupi kbar, marionetti tradizzjonali, u workshops għall-familji li jagħtu l-ħajja lil stejjer affaxxinanti. Il-festival ser jilqa’ artisti ta’ talent minn Malta u minn pajjiżi oħra, biex tinħoloq esperjenza kulturali rikka li se tappella għal persuni ta’ kull età.
Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin ta’ din l-edizzjoni hija Żgugina, ġgant ta’ sitt metri li jagħti ħajja mill-ġdid lil-leġġenda ta’ San Dimitri tal-Għarb. Żgugina nbniet kompletament minn idejn artisti, mastrudaxxi u voluntiera Għawdxin u Maltin, li biddlu leġġenda Għawdxija f’ikona magħmula mill-komunità.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Il-festival ta’ din is-sena juri b’mod ċar li Għawdex huwa gżira vivaċi tal-arti u l-kultura u aħna nibqgħu kommessi li ngħinu sabiex dawn l-attivitajiet ikomplu jittellgħu minn sena għall-oħra u nattiraw it-turiżmu lejn Għawdex matul is-sena kollha filwaqt li niċċelebraw il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna.”
Żgugina qed tkun meqjusa bħala l-ewwel pupa ġgant ta’ din l-iskala li nbniet fil-Gżejjer Maltin. Fuq il-palk tal-Gozo International Puppet Festival, hija ssir ir-rakkuntiera ħajja tal-festival – leġġenda lokali li tiftaħ il-bieb għal pjattaforma internazzjonali. Il-leġġenda ta’ Żgugina tirrakkonta l-istorja ta’ armla li binha nħataf mill-kursari. Hija wegħdet li żżomm lampa mixgħula quddiem il-qaddis jekk binha jirritorna lura. Il-qaddis ħareġ mill-pittura tal-kappella, salva lit-tifel, u l-lampa qatt ma ntfiet. Żgugina fl-Għarb se terġa’ tkun is-simbolu tal-fidi, tal-kuraġġ u tal-istejjer tagħna.
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Għarb David Apap u d-Direttur Artistiku u Organizzatur Jean Paul Mifsud li rringrazzjaw lill-ministeru tal-għajnuna sabiex tkun tista’ tittella’ din l-attività.
Inħolqot ukoll Fatima, pupa ta’ erba’ metri, bħala ġieħ u solidarjetà mal-ommijiet madwar id-dinja li tilfu lil uliedhom, b’mod partikolari f’Gaża. Fatima, imsieħba ma’ Żgugina, tfakkarna li l-ammirazzjoni għall-kuraġġ trid tkun ukoll vuċi ta’ empatija u solidarjetà.
Minbarra l-wirjiet, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu minn lejla mimlija divertiment live, ikel tradizzjonali u stands relatati mal-pupi. Dan huwa avveniment perfett għat-tfal, il-familji u għal dawk li jħobbu l-kultura.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd jingħaqad f’Għawdex għal esperjenza mimlija maġija, kultura u divertiment fir-raħal tal-Għarb.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN