STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €14-il miljun f’fondi Ewropej allokati fl-ewwel u fit-tieni sejħa tal-2025
Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, permezz tal-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea, ħabbar ir-riżultati uffiċjali tal-ewwel u t-tieni sejħa tal-2025 għall-programmi Erasmus+ u Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Aktar minn €14-il miljun ġew allokati biex jappoġġjaw proġetti f’diversi oqsma.
Dan sar fil-binja ta’ Maritime MT f’Birżebbuġa, li hija istituzzjoni ta’ taħriġ professjonali fis-settur marittimu u waħda mill-benefiċjarji taħt il-programm Erasmus+.
Dan l-investiment jirrappreżenta impenn dirett fiż-żgħażagħ, fl-edukaturi u fil-komunità, waqt li fl-istess ħin isaħħaħ ir-rwol attiv ta’ Malta fl-isfera Ewropea. Il-finanzjament jkopri edukazzjoni formali u mhux formali, taħriġ vokazzjonali, żvilupp taż-żgħażagħ u inizjattivi ta’ solidarjetà li għandhom il-potenzjal jittrasformaw ħajjiet u jiftħu orizzonti ġodda.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jinvesti kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fit-taħriġ mhux formali. Permezz ta’ dawn l-opportunitajiet li qed nagħtu liż-żgħażagħ u lill-edukaturi tagħna, qed niżguraw li Malta tkompli tipprepara għall-isfidi ta’ għada.”
Il-programm Erasmus+ jibqa’ wieħed mill-aktar inizjattivi ta’ suċċess tal-UE, billi joffri ċ-ċans lill-istudenti jistudjaw barra minn Malta, jagħti ħiliet ġodda lill-edukaturi, u jsaħħaħ l-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà min-naħa l-oħra għandu l-għan li jsaħħaħ liż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà, kemm lokalment kif ukoll madwar l-Ewropa, permezz ta’ volontarjat u proġetti ta’ solidarjetà.
“Dawn il-programmi mhumiex biss dwar il-mobilità, iżda dwar tkabbir personali, inklużjoni u l-opportunità għal kull student, żagħżugħ u organizzazzjoni f’Malta li jespandu l-orizzonti tagħhom u jibnu futur aktar b’saħħtu u konness,” temm jgħid il-ministru.
L-applikanti inklużi skejjel, NGOs, gruppi taż-żgħażagħ, istituzzjonijiet ta’ taħriġ u anke min iħaddem, huma mħeġġa jippreparaw is-sottomissjonijiet tagħhom għas-sejħa li jmiss, li tagħlaq fl-1 ta’ Ottubru 2025 f’12:00pm.
Għal aktar informazzjoni jew appoġġ dwar il-proċess tal-applikazzjoni, wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) fuq 27797300.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN