STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Festa Ħut
Għal sena oħra konsekuttiva, ittellgħet b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Festa Ħut, b’eluf ta’ familji żaru l-lokalitajiet tal-Mellieħa u Marsaxlokk biex igawdu minn żewġ serati li ċċelebraw is-settur tas-sajd u l-akwakultura.
Dan il-festival, imtella’ mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, sar bil-għan li jiġi ċċelebrat il-ħut frisk Malti u jkompli jitqajjem iżjed għarfien dwar is-sajd sostenibbli u l-wirt marittimu ta’ pajjiżna.
Matul iż-żewġ ġranet mimlija attivitajiet, iż-żoni kostali tal-Mellieħa u ta’ Marsaxlokk kienu mimlijin stands tal-ikel bil-ħut, wirjiet edukattivi, mużika live, logħob u divertiment għat-tfal, kif ukoll artiġjanat Malti u wirjiet kulturali.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said sostniet kif, “Avvenimenti bħal Festa Ħut ikomplu jesponu l-ħidma tant importanti tas-sajjieda tagħna filwaqt li jqajmu aktar għarfien dwar dan is-settur kruċjali għal pajjiżna. Dawn il-festi jkomplu jpoġġu dawl fuq ix-xogħol li jwettqu s-sajjieda tagħna biex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom aċċess għal prodotti friski u lokali.”
Hija rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Ministeru, lil Malta Food Agency, lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, l-Aġenzija Aquatic Resources Malta, kif ukoll lill-kunsilli lokali u lill-għaqdiet kollha li kienu parti minn dan l-avveniment. Hija sostniet li mingħajrhom ma kinitx tkun possibbli li Festa Ħut tkompli tikber u tittella’ fuq jumejn biex dan is-settur seta’ jiġi ċċelebrat f’partijiet differenti ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN