STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI
Tiġi konkluża l-konferenza tal-Ministri għall-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa fil-Belt Valletta bl-adozzjoni tal-Valletta Protocol - Id-Dikjarazzjoni Politika ġiet rikonoxxuta unanimament mis-46 Stat Membru kollha
Il-Konferenza tal-Ministri għall-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa, li saret taħt il-Presidenza Maltija, laqqgħet flimkien ministri, dinjitarji, u esperti legali minn madwar l-Ewropa bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u jissaħħu l-isforzi kollettivi biex jiġi miġġieled ir-reat transnazzjonali. Il-Konferenza mmarkat pass storiku bl-iffirmar tal-Valletta Protocol għall-Konvenzjoni Ewropea tal-1959 dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali – pass ewlieni biex il-Konvenzjoni tadatta għar-realtajiet tax-xenarju kriminali tal-lum li qed jevolvi b’rata mgħaġġla.
Il-ftuħ tad-diskussjonijiet iffoka fuq l-immodernizzar tal-kooperazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ mezzi diġitali. Il-Ministri u l-esperti enfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-għodod diġitali fl-iffaċilitar tal-assistenza legali transfruntiera u fir-rispons għall-isfidi tal-kriminalità organizzata. Tul din is-sessjoni saru interventi minn Dr Michael O’Flaherty, Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, u Dr Stefano Filletti, Kap tad-delegazzjoni ta’ Malta għall-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-problemi ta’ reati, fejn enfasizzaw fuq l-importanza li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni tibqa’ b’għeruq sodi fid-drittijiet fundamentali. Il-Ministru tal-Ġustizzja Malti Jonathan Attard enfasizza li: “l-għodod diġitali m’għadhomx fakoltattivi iżda saru essenzjali. Jekk inħaddnu t-teknoloġija bi standards komuni u b ’fiduċja kondiviża, il-ġustizzja se tibqa’ rilevanti fl-era diġitali.”
It-tieni sessjoni, eżaminat il-passi li jmiss fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-proċedura kriminali. Il-kelliema inkludew lis-Sur Lorenzo Salazar, Viċi President tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Problemi tar-Reati; Is-Sur Adil Abilov, President tal-Kumitat ta’ Esperti dwar il-Kooperazzjoni f’Materji Kriminali; u s-Sur James Smith, Kap tal-Politika ta’ Estradizzjoni u l-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja fil-Home Office tar-Renju Unit. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif il-Valletta Protocol jagħlaq il-lakuni eżistenti fil-Konvenzjoni tal-1959 u jipprovdi għodod prattiċi għall-prosekuturi, l-infurzar tal-liġi, u l-ġudikatura. Il-Ministru Attard saħaq li: “Il-Protokoll mhuwiex biss tragward legali – huwa għodda prattika. L-isfida tagħna issa hija li nibdlu d-dispożizzjonijiet tagħha f’ kooperazzjoni effettiva fil-prattika.”
Is-sessjoni ta’ ħidma finali indirizzat l-eliminazzjoni ta’ rifuġji sikuri għall-kriminalità transnazzjonali. Il-Ministri qasmu prattiki tajbin u ddiskutew l-ostakli li jiffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata. Il-Ministru Attard irrimarka li: “Meta l-awtoritajiet nazzjonali jaħdmu f’sinerġija, nindirizzaw b’ mod effettiv il-kriminalità organizzata. Meta naħdmu f’iżolament, nagħmlu pjaċir lill-kriminali.”
Fl-indirizz tal-għeluq tiegħu, il-Ministru Attard faħħar il-Valletta Protocol u l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Politika bħala espressjoni ċara ta’ rieda kollettiva: “Din id-Dikjarazzjoni Politika li ġiet rikonoxxuta unanimament mis-46 Stat Membru kollha, mhijiex biss dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, iżda hija wkoll impenn politiku, li sar fl-ogħla livell u li se jiggwida l-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħna, il-prattikanti tagħna, u l-kooperazzjoni tagħna fis-snin li ġejjin.” Huwa afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta li tkompli tibni pontijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li nnota li “minkejja d-daqs tagħna, Malta hija avukat b’saħħtu għall-ġustizzja, għad-drittijiet tal-bniedem, u għas-saltna tad-dritt.”
Il-Konferenza kkonkludiet b’impenn imġedded biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni, tiġi mmodernizzata l-ġustizzja permezz tat-teknoloġija, u jiġi żgurat li ma jibqa’ l-ebda rifuġju għar-reati transnazzjonali. F’din il-konferenza kkollaboraw u pparteċipaw ukoll is-Sur Johan Galea, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN