STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-Biċċerija Pubblika fil-fażi finali sabiex tintroduċi sistema ġdida għad-depilazzjoni tal-majjal
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo żar il-Biċċerija Pubblika ta’ Malta hekk kif il-proġett tal-installazzjoni ta’ sistema vertikali għad-depilazzjoni tal-majjal daħal fil-fażi finali tiegħu. Din is-sistema mill-aktar avvanzata se twassal għal qabża sinifikanti ’l quddiem fl-iġjene, l-effiċjenza u l-kwalità tal-prodott.
B’differenza mill-metodi tradizzjonali, is-sistema vertikali tiżgura iktar indafa, timminimizza l-kontaminazzjoni u tallinja mal-ogħla standards Ewropej għas-sikurezza tal-ikel.
Il-Ministru Refalo qal li, “Dan il-proġett mhux biss jirrappreżenta avvanz teknoloġiku iżda juri wkoll il-viżjoni tagħna bħala gvern biex insaħħu s-settur lokali tal-ikel, nappoġġaw lill-produtturi u fl-istess ħin intejbu s-saħħa pubblika. Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn tagħna biex inkomplu ninvestu fil-Biċċerija Pubblika bħala ċentru strateġiku għall-iżvilupp tal-prodotti lokali. Qed noħolqu infrastruttura moderna li mhux biss tappoġġa lill-bdiewa u l-produtturi, iżda se toffri wkoll kwalità ogħla lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin.”
Din is-sistema se twassal ukoll sabiex jibdew jiġu offruti firxa usa’ ta’ prodotti premium bħas-salami tradizzjonali, prosciutto, lardo u prodotti oħra tal-majjal b’valur miżjud. Għaldaqstant dan il-proġett se jappoġġa lill-produtturi artiġjanali, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni kulinari u ssaħħaħ l-identità agroalimentari ta’ Malta.
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia spjega li l-proġett jibni fuq investimenti kontinwi li saru f’dawn l-aħħar snin, fosthom sistemi effiċjenti ta’ tisħin tal-ilma, traċċabilità avvanzata u l-ipproċessar mill-ġdid ta’ prodotti tradizzjonali bħall-kirxa, il-mazzit u l-qriemeċ. “Il-Biċċerija Pubblika kommessa fil-ħidma tagħha biex tkun effiċjenti u innovattiva, filwaqt li taqdi l-ħtiġijiet tal-komunità u fl-istess waqt tistabbilixxi standards ġodda għall-kwalità u s-sostenibbiltà,” żied jgħid Cachia.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN