STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-proċess ta’ qabel il-konsultazzjoni pubblika li se jwassal għal strateġija ġdida dwar l-inklużjoni
“Dak kollu li nagħmlu fis-sistema edukattiva jrid ikun mibni fuq konsultazzjoni li abbażi tagħha nkunu kapaċi nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ uliedna. Bl-istess mod kif għamilna f’dik li hija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, qegħdin nagħmlu issa għal dik li hija l-Istrateġija għall-Inklużjoni fis-sistema edukattiva.” Hekk spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Inklużjoni, Clifton Grima waqt t-tnedija tal-proċess ta’ qabel il-konsultazzjoni pubblika li se twassal għal strateġija ġdida dwar l-inklużjoni.
Il-Ministru Grima kompla jispjega li qabel il-Ministeru se jmur għal konsultazzjoni pubblika, id-dokument se jissawwar flimkien bejn dawk kollha li huma involuti fis-settur, fuq quddiem, l-edukaturi, flimkien mal-familji, l-għaqdiet volontarji u l-imsieħba soċjali, li kollha kemm huma għandhom il-kontribut tagħhom x’jagħtu. “Dan huwa kontribut li ġej minn esperjenzi varji fil-ħajja ta’ kuljum li jġibu l-esperjenza biex b’hekk flimkien jinbena l-qafas għal din l-istrateġija. Strateġija li se tkun implimentata u li tagħraf it-tajjeb kollu li sar, imma wkoll li tagħraf fejn irid jitjieb. Dan huwa obbligu li qed nidħlu għalih għaliex għandna għal qalbna l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna,” enfasizza l-Ministru Grima.
B’dan il-pass, il-Ministeru beda jaħdem fuq din l-Istrateġija ġdida li se tieħu post l-istrateġija li hemm bħalissa li twassal sal-2027.
‘Edukazzjoni li ssaħħaħ. Inklużjoni li Tbiddel.’ Din hija l-qofol tal-Istrateġija li se titfassal b’dan il-proċess kollu u hija l-viżjoni nazzjonali li tirrifletti l-impenn sod ta’ pajjiżna biex tinbena sistema edukattiva li permezz tagħha kull student, irrispettivament mill-abbiltajiet jew l-isfond tiegħu, ikun magħruf, mismugħ u appoġġjat.
Il-Ministru Grima tkellem ukoll dwar il-vjaġġ ta’ pajjiżna lejn edukazzjoni inklużiva, progress mibni fuq l-impenn. “Dan ma seħħx mil-lum għal għada, imma huwa frott ta’ snin ta’ ħidma, riformi u reżiljenza,” qal il-Ministru Grima.
Josef Borg, Direttur għall-Monitoraġġ u Evalwazzjoni tal-Politika fil-Ministeru, ta ħarsa lura mill-ewwel qafas ta’ frameworks sal-politiki tal-lum. Dawn ikopru minn integrazzjoni sempliċi għal kultura ta’ inklużjoni bbażata fuq id-drittijiet, l-istrutturi u l-etos nazzjonali ta’ pajjiżna.
B’din il-ħidma kien hemm diversi kisbiet, li permezz tagħhom, aktar studenti b’ħtiġijiet differenti qed jaslu sal-edukazzjoni terzjarja. Il-Ministru Grima fakkar ukoll f’ħidma li saret fis-snin riċenti bl-impenn ewlieni jkun il-monitoraġġ indipendenti u l-evalwazzjoni bbażata fuq l-evidenza. Dan l-approċċ ibbażat fuq id-data jiżgura li l-politiki jirrispondu għal sfidi u bżonnijiet reali.
“B’dan il-proċess li nedejna llum qegħdin inħejju l-kapitlu li jmiss. Ħidma fuq viżjoni fit-tul, ippjanar ibbażat fuq l-evidenza u involviment sinifikanti tal-partijiet interessati. L-impenn ta’ Malta lejn edukazzjoni inklużiva mhuwiex biss aspirazzjoni, imma realtà kontinwa. Realtà mibnija fuq snin ta’ ħidma, immexxija mill-innovazzjoni, u sostnuta mit-twemmin li kull tifel u tifla jistħoqqilhom ambjent ta’ tagħlim li jagħraf il-potenzjal tagħhom,” ikkonkluda l-Ministru Clifton Grima.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN