STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Leħinha. Her Voice: Wirja dwar il-Vjaġġ tan-Nisa fil-Politika Maltija
Lejliet il-Konferenza Annwali tal-Kummissjoni tal-Ugwaljanza tal-Kunsill tal-Ewropa li ser tiltaqa’ f’Malta bħala parti mill-programm tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropa l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg nedew wirja fil-bini tal-Parlament bit-tema Leħinha. Her Voice.
Il-wirja tiddokumenta l-vjaġġ storiku tan-nisa Maltin fil-politika u l-isforzi kontinwi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rappreżentazzjoni politika.
Il-wirja timxi id f’id mat-tema ċentrali tal-konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa li qed titlaqqa’ f’Malta li qiegħda tiffoka fuq l-ostakli ewlenin li għandhom jintgħelbu biex tikber il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, fosthom is-sessiżmu u l-vjolenza psikoloġika fil-konfront tan-nisa fil-politika.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li “din l-esebizzjoni hija testment ta’ reżiljenza, progress u saħħa ta’ parteċipazzjoni. Turi kif in-nisa Maltin qadfu kontra kull kurrent u kull ostaklu għax emmnu li iva, anke mara għandha dritt tkun fil-ħajja pubblika u tagħti servizz lill-poplu permezz tal-politika.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li “wieħed jista’ jerġa’ jesperjenza l-istorja tan-nisa li sa mill-bidu nett kellhom jiġġieldu għad-dritt tal-vot, kif ukoll ta’ dawk li rnexxielhom jiksbu pożizzjonijiet għoljin fl-istituzzjonijiet Maltin.”
Intant, permezz ta’ ritratti storiċi u b’informazzjoni dwar riformi kruċjali, il-wirja tirrifletti l-isfidi u l-progress li kien hemm matul is-snin fil-mixja tal-mara fil-politika lokali. Dawn jinkludu l-kisba storika tad-dritt tal-vot għall-mara, l-ewwel nisa li servew f’karigi politiċi ewlenin, il-mekkaniżmu tal-bilanċ bejn il-ġeneru, u l-kontribut ta’ nisa fil-politika Maltija.
Il-wirja tinkludi statistika dwar ix-xejriet fir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, fil-Kabinett, fil-Kunsilli Lokali u fil-Parlament Ewropew, kif ukoll l-impatt tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru li tħaddem għall-ewwel fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2022. Din il-miżura żiedet b’mod sinifikanti n-numru ta’ nisa eletti fil-Parlament u saħħet il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika.
Matul ix-xahar ta’ Settembru, il-pubbliku huwa mistieden iżur il-wirja fil-binja tal-Parlament.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN