Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Se titnieda Strateġija tal-Litteriżmu Matematiku biex jiġu indirizzati l-isfidi mis-snin bikrin sal-livell terzjarju

pr251575
Date Icon 16/09/2025

Waqt li kien qed jindirizza edukaturi kwalifikati ġodda, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbar li se titnieda Strateġija komprensiva tal-Litteriżmu Matematiku biex jiġu indirizzati l-isfidi mis-snin bikrin sal-livell terzjarju. L-għan tagħha huwa li tindirizza wkoll id-diskrepanza fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol u d-differenza bejn is-sessi fl-oqsma tekniċi.

Il-Ministru Grima kien qed jindirizza 219-il edukatur kwalifikat ġdid waqt konferenza li kull sena ssir apposta għal dawn l-edukaturi, li ngħaqdu mal-familja tal-edukaturi ta’ pajjiżna.

Fil-messaġġ tal-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru Grima tenna l-importanza li kull tifel u tifla għandu jkollhom l-opportunità li jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità. Din tingħata mill-edukaturi b’dedikazzjoni kif ukoll b’responsabbiltà biex ikun żgurat li kull student, irrispettivament mill-isfond jew iċ-ċirkostanzi, jirċievi edukazzjoni ta’ kwalità għolja.

Il-Ministru Grima spjega li meta nitkellmu dwar il-litteriżmu, nitkellmu dwar il-forom kollha tiegħu, għaliex fid-dinja tal-lum, il-litteriżmu jmur lil hinn mill-abbiltà li wieħed jaqra u jikteb. Litteriżmu jinkludi l-litteriżmu diġitali, il-litteriżmu medjatiku, il-litteriżmu emozzjonali, il-litteriżmu tad-data u l-litteriżmu ċiviku, li kollha huma essenzjali għas-seklu wieħed u għoxrin.

Huwa fakkar ukoll li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni hija allinjata mar-Raba’ għan tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda u wkoll mal-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050.

“L-edukaturi huma ċentrali għall-iżvilupp ta' litteriżmu ġdid. Għalhekk l-Istrateġija Nazzjonali tinvesti fl-iżvilupp professjonali kontinwu biex tgħin lill-edukaturi jiksbu kompetenzi diġitali u jintegrawhom b’mod effettiv fil-pedagoġija”, qal il-Ministru Grima. Kompla jgħid li, “L-edukaturi għandhom rwol deċiżiv biex jipprovdu lill-istudenti l-litteriżmi meħtieġa biex jgħixu f’dinja kumplessa u li dejjem tinbidel”. 

Il-Ministru Grima qal li lil hinn mill-qari u n-numeroloġija, l-edukaturi jiggwidaw lill-istudenti fl-iżvilupp ta’ litteriżmu diġitali, emozzjonali, ċiviku u tal-midja, u b’hekk jagħtuhom is-setgħa li jaħsbu b’mod kritiku, jaġixxu b’responsabbiltà u jipparteċipaw b’mod sinifikanti fis-soċjetà. Għalhekk enfasizza l-importanza li bħala pajjiż jippreparaw b’mod ħolistiku lill-istudenti. Semma wkoll kif permezz tal-Family Community School Link (FCSL) Programme qed ikomplu jsaħħu r-rabta bejn id-dar u l-iskola.

Il-Ministru Grima qal li dan kollu huwa marbut ma’ settur li dejjem iqis li għandu importanza kbira –  il-qari. Għalhekk, il-Programm ta’ Rkupru tal-Qari qed jiġi estiż biex jilħaq l-istudenti kollha fit-2 sena li jiffaċċjaw diffikultajiet fil-litteriżmu.

“L-ebda tifel jew tifla m’għandhom jitħallew lura fis-snin fundamentali. L-għan tagħna huwa li nibnu soċjetà li fiha, kull student mhux biss ikun litterat fis-sens tradizzjonali imma wkoll diġitalment kompetenti, emozzjonalment intelliġenti, u globalment konxju”, temm jgħid il-Ministru Grima.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Se titnieda Strateġija tal-Litteriżmu Matematiku biex jiġu indirizzati l-isfidi mis-snin bikrin sal-livell terzjarju
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow