STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA
Il-Gvern jieħu nota tar-rapport imsejjaħ The Government's rescission of restrictions on the site of the Fortina Hotel li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), it-Tnejn 15 ta' Settembru 2025. Dan ir-rapport jelenka nuqqasijiet fil-proċedura użata mill-Awtorità tal-Artijiet fl-2019.
Il-Gvern kien diġà aġixxa fuq dawn in-nuqqasijiet meta f'Awwissu 2024 daħħal Avviż Legali li permezz tiegħu nħoloq metodu u kriterji aktar ċari, konsistenti u oġġettiv kif isiru valutazzjonijiet ta' tneħħija ta' kundizzjonijiet f'kuntratti li jikkonċernaw art pubblika. Mhux talli hekk, talli dan l-Avviż Legali daħħal penali ta' 25% tal-valur tal-kundizzjoni jekk kemm-il darba jinstab li dik il-kundizzjoni tkun inkisret diġà.
Il-proċedura użata sabiex sar dan il-kuntratt li kien investigat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kienet skont dak li kien jistipula l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern (Kap 573). Dan ifisser li l-valutazzjoni tat-tibdil fil-kundizzjonijiet ġiet stmata minn tliet periti li ma jiffurmawx parti mill-Awtorità tal-Artijiet u skrutinizzata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-istess awtorità.
Kien biss wara li ttieħdu dawn il-passi li l-kuntratt bejn il-Gvern u Fortina ġie diskuss u approvat kemm mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u anke mill-Parlament.
Il-ftehim analizzat mill-NAO ma jikkonċernax trasferiment ta' art iżda bdil ta' żewġ kundizzjonijiet fil-kuntratti li permezz tagħhom Fortina kienet preċedentament xtrat art pubblika mill-Gvern ġewwa Tas-Sliema. Din l-art inbiegħet lil Fortina sabiex tintuża għal skopijiet turistiċi fl-1991, fl-1996 u fl-2000. Il-bidliet fil-kundizzjonijiet approvati fl-2019 wittew it-triq sabiex fis-snin li għaddew f'dan il-post sar investiment ta' kwalità li sitt snin ilu kien ġie stmat għal €55 miljun.
Il-bidla fil-kundizzjonijiet rabtet lil Fortina sabiex tħallas kumpens ta' €8,100,000 lill-Gvern. Din iċ-ċifra hija tliet darbiet ogħla mill-istima li saret mill-kumpanija nnifisha u li ġiet preżentata lill-Awtorità tal-Artijiet waqt in-negozjati.
Kontra ta' dak li ġie allegat aktar kmieni din is-sena, imkien fir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma jissemma li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jew il-Prim Ministru nnifsu, kien xekkel xi parti jew oħra tal-investigazzjoni kif kien ġie allegat aktar kmieni din is-sena.
Il-Gvern ifakkar li r-riforma li saret fl-2017 wasslet sabiex inħolqot l-Awtorità tal-Artijiet minflok id-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern. Dan ifisser li d-deċiżjonijiet bdew jittieħdu b'aktar awtonomija u lil hinn mill-involviment dirett tal-politiċi. Il-Bord tal-Gvernaturi, li jinkludi wkoll deputat tal-Oppożizzjoni, jissorvelja u japprova id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Awtorità tal-Artijiet sabiex ikun hemm livell ieħor ta' skrutinju. Barra minn hekk, iddaħħal rimedju għal persuni jew entitajiet li jkollhom nuqqas ta' qbil mad-deċiżjonjiet tal-Awtorità tal-Artijiet.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN