Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI

PR251541
Date Icon 11/09/2025

Fgura District Park: kif spazju massiv mitluq se jinbidel f'wieħed mill-akbar parks fin-naħa ta' isfel ta' Malta

Project Green bdiet ix-xogħlijiet fuq il-Fgura District Park (Park l-Inħawi), fejn art ta' kważi 50,000 metru kwadru qed tiġi riġenerata u tingħata l-ħajja.

Għaddejjin xogħlijiet fuq art li testendi mill-grawnd tal-futbol fil-Fgura sal-Park ta' San Klement f'Ħaż-Żabbar.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Fiż-żmien li ġej se nkunu qed naraw trasformazzjoni sħiħa, fejn art li hija abbandunata se nkunu qed nagħtuha l-ħajja, u nagħtu nifs il-lokalità tal-Fgura. Il-Fgura ilha snin tesperjenza tniġġis fl-arja u għalhekk bħala Gvern qed naħdmu u nsaħħu l-wegħda tagħna li nipprovdu spazji miftuħa f'10 minuti mixi. Permezz ta' dan il-proġett qed naraw li jgawdu minnu mal-11,000 resident mill-Fgura u l-madwar, hekk kif Park l-Inħawi se jkun qed jingħaqad katina mal-Park ta' San Klement f'Ħaż-Żabbar."

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett fil-qalba tal-Fgura huwa prova ċara ta' kif il-fondi Ewropej, flimkien ma' fondi nazzjonali, qed jinbidlu f'investiment konkret u sostenibbli għall-komunitajiet tagħna. Permezz ta' dan l-ispazju miftuħ, il-familji se jkollhom ambjent aċċessibbli u sigur fejn igawdu ħin ta' mistrieħ, filwaqt li jiżdied ukoll il-valur ekoloġiku tal-lokal. “Bħala Gvern, ser inkomplu naħdmu biex kull raħal u belt ikollhom spazji ta' kwalità li joffru opportunitajiet ta' rilassament, attività soċjali u preservazzjoni tal-ambjent għal ġenerazzjonijiet futuri," temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Żona abbandunata, fejn kien fiha ammont ta' skart u nuqqas ta' manutenzjoni fosthom nuqqas ta' sigurtà, issa qed tingħata l-ħajja minn Project Green b'bosta interventi  b'investiment ta' madwar €4.2 miljun. Dan il-proġett se jkun qed jiffoka fuq titjib ambjentali u jinkorpora żoni għal attività fiżika, żoni pedonali u aċċessibbli għaċ-ċiklisti kif ukoll għal persuni bi problema ta' mobbilità.

Park l-Inħawi se jkun qed jara tħawwil ta' aktar minn 350 siġra ġdida li se jiġu msaqqija minn żewġ ġibjuni ġodda u sistemi ta' mmaniġġjar tal-ilma.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm it-tim ta' Project Green u s-Sindku tal-Fgura Clayton Cascun Portelli.

Ix-xogħlijiet bdew hekk kif din l-art ġiet mogħtija lill-Gvern, li tkopri mill-grawnd tal-futbol fil-Fgura, sal-Park ta' San Klement f'Ħaż-Żabbar.

Andrea Saliba, il-Project Manager tenniet li, “bħal kull proġett ieħor, ikkonsultajna mar-residenti u rajna li l-proġett ikun milqugħ. Qed naħdmu biex fiż-żmien li ġej, il-Fgura tgawdi minn spazji miftuħa, fejn it-tfal ikunu jistgħu jiġru f'ambjent sigur, żoni għal pikniks u post fejn l-anzjani jistgħu jqattgħu ftit ħin jissoċjalizzaw."

Is-Sindku tal-Fgura Clayton Cascun Portelli qal, “Il-progress ta' Park l-Inħawi fil-Fgura qiegħed miexi ġmielu. Kuljum qed jittieħdu passi biex il-viżjoni tagħna ssir realtà – spazju aħdar, sigur u sabiħ għall-familji kollha."

Dan il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow