STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiddiskuti r-riabilitazzjoni tal-Blue Lagoon mal-għaqdiet ambjentali f’Kemmuna
Il-Ministeru, l-MTA u Mizzi Studio ser jippreżentaw proposti għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa' ma' għaqdiet ambjentali li għaddejjin b'inizjattivi ta' ħarsien tal-bijodiversità u l-wirt kulturali ta' Kemmuna, hekk kif il-Gvern qed ikompli jikkonsulta lil dawk kollha konċernati dwar ir-riabilitazzjoni ekoloġika tal-Blue Lagoon.
It-Tlieta filgħaxija, Dr Borg iltaqa' ma' voluntiera minn Friends of the Earth Malta, BirdLife Malta u Din l-Art Ħelwa, sabiex jitkellmu dwar l-inizjattivi li dawn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi qed iwettqu f'Kemmuna.
Aktar kmieni din is-sena, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Team Blue Lagoon u l-kumpanijatad-disinn rinomata internazzjonalment Mizzi Studio, nedew konsultazzjonijiet ma' dawk kollha interessati fil-Blue Lagoon, fosthom għaqdiet ambjentali, entitajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet tan-negozju, sabiex jiżviluppaw proposti ta' riabilitazzjoni fit-tul għall-ħarsien ta' dan is-sit Natura 2000, b'enfasi fuq il-bilanċ ekoloġiku u aċċess sostenibbli għall-pubbliku. Il-laqgħat tat-Tlieta kienu opportunità oħra biex tkompli d-diskussjoni fuq dawn il-proposti, li se joħorġu għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-forn l-antik ta' Kemmuna, membri ta' Friends of the Earth Malta spjegaw lid-Deputat Prim Ministru dwar dan is-sit, u l-ħidma li għaddejja biex jirrestawrawh u jibdluh f'ċentru ta' edukazzjoni ambjentali dwar il-wirt naturali u kulturali uniku tal-gżira. Fl-istess waqt, din l-inizjattiva ser tixpruna aktar sehem mill-komunità fil-ħidma ambjentali, filwaqt li tippromwovi attivitajiet li jirriflettu s-sensittività ta' dan is-sit għal dawk li jżuruh.
“Matul is-snin, Kemmuna intlaqtet ħażin minn sistema li għażlet il-profitt immedjat minflok il-governanza tajba. Illum qed naraw bidliet u pjanijiet għas-snin li ġejjin li jqawwulna qalbna. Meta naħdmu flimkien, nistgħu nipproteġu din il-ġawhra ta' gżira. B'miżuri adekwati, il-Blue Lagoon tista' ssir mudell ta' tmexxija sostenibbli, li tħares in-natura filwaqt li tagħti esperjenza isbaħ lill-viżitaturi, kemm turisti kif ukoll residenti lokali," qal id-Direttur tal-organizzazzjoni Martin Galea de Giovanni.
Rappreżentanti ta' BirdLife Malta enfasizzaw li Kemmuna hija wkoll stabbilita bħala Santwarju għall-Għasafar, apparti li hija sit ta' Natura 2000. F'ħidma mal-awtoritajiet ambjentali, l-organizzazzjoni twettaq studji dwar il-migrazzjoni tal-għasafar f'Wied l-Aħmar, kif ukoll fuq il-kolonji tal-Garni u ċ-Ċief li jgħixu fil-gżira, fost inizjattivi ambjentali oħra.
“Għal għexieren ta' snin, BirdLife Malta insistiet dwar il-ħtieġa ta' prattiċi sostenibbli f'Kemmuna. Il-ġestjoni tal-iskart dejjem kienet tħassib serju. Nittamaw li b'ippjanar effettiv, iżjed kontroll, u l-perspettiva pożittiva li bdejna naraw dan l-aħħar mill-Ministeru għat-Turiżmu, naslu għal soluzzjoni għal din il-problema," sostna l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta Mark Sultana.
Iż-żjara ta' Dr Borg f'Kemmuna ntemmet fit-Torri ta' Santa Marija, fejn voluntiera ta' Din l-Art Ħelwa spjegawlu kif din l-għaqda ilha fdata bil-ħarsien ta' din il-binja storika sa mill-2002, b'ħidma kontinwa fuq ir-restawr u l-manutenzjoni tagħha, filwaqt li żżommha miftuħa għall-pubbliku.
“Inħarsu 'l quddiem għal operat aktar organizzat u sostenibbli għall-viżitaturi tal-Blue Lagoon. F'dan il-kuntest, it-Torri ta' Santa Marija għandu potenzjal kbir li jkompli jsebbaħ l-esperjenza ta' dawk li jżuru Kemmuna u l-Blue Lagoon. Dan aktar u aktar għal turisti li jfittxu esperjenzi aktar uniċi, hekk kif il-voluntiera tagħna huma ħerqana li jkomplu jappoġġjaw u jseddqu esperjenzi bħal dawn. Inħarsu 'l quddiem biex inkomplu nkunu parti minn dan il-proġett tal-Blue Lagoon," qal il-President Eżekuttiv ta' Din l-Art Ħelwa Patrick Calleja.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar l-impenn tal-għaqdiet ambjentali u ħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex jibqgħu jagħtu sehemhom għas-sostenibbiltà fit-tul tal-Blue Lagoon.
“Dan is-sajf, permezz tal-inizjattivi li nieda Team Blue Lagoon, diġà għamilna l-ewwel passi 'l quddiem. Ir-riżultati huma inkoraġġanti - din is-sena l-konċentrazzjoni ta' viżitaturi naqset b'68%. Determinati li nkomplu nżidu l-kollaborazzjoni tagħna ma' dawk kollha involuti, sabiex inwettqu l-interventi meħtieġa għar-riabilitazzjoni ta' dan is-sit. Inħarsu 'l quddiem li naqsmu dawn il-proposti mal-pubbliku, fejn se nistiednu lil kulħadd biex flimkien ningħaqdu f'dan l-isforz nazzjonali sabiex inħarsu l-Blue Lagoon u niżguraw li nibqgħu ingawduh b'mod responsabbli, illum u fil-ġejjieni," Dr Borg stqarr.
Fil-Blue Lagoon, Dr Borg iltaqa' wkoll ma' Team Blue Lagoon, fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, sabiex jiddiskutu t-titjib fuq livelli differenti li dan it-tim introduċa kmieni dan is-sajf. Irringrazzja lill-entitajiet u kuntratturi kollha li qed jappoġġjaw din l-inizjattiva, fosthom il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, Transport Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Pulizija, LESA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, id-Direttur ta' Team Blue Lagoon, Aldo Pace, u d-Direttur ta' Mizzi Studio, il-Perit Jonathan Mizzi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN