STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Għal sena oħra se jerġa’ jittella’ l-Levant Music Festival fix-Xewkija
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li wara s-suċċess li kiseb sena wara l-oħra, din is-sena se jerġa’ jittella’ l-Levant Music Festival. Dan il-festival tant mistenni ser isir fil-13 ta’ Settembru fil-Pjazza ta’ Xewkija, mit-8 ta’ filgħaxija sa nofsillejl.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Il-festival Levant hu ċelebrazzjoni tal-mużika, tal-kultura u tat-talent lokali li sar parti integrali mill-kalendarju kulturali u turistiku ta’ Għawdex. Bħala Ministeru dejjem emminna fil-potenzjal tal-arti u l-kultura biex jattiraw mhux biss viżitaturi iżda wkoll biex isaħħu l-komunità tagħna. Festivals bħal Levant jgħinuna nkomplu nsawru l-identità kulturali ta’ Għawdex bħala gżira vibranti, ħajja, u mimlija talent.”
Waqt dan il-festival wieħed se jkun jista’ jgawdi l-mużika ta’ The Big Band Brothers u Jolene Samhan, fost għadd ta’ kantanti oħra stabbiliti li żgur se joffru lejla indimentikabbli ta’ mużika u divertiment.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni, lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, lill-kunsill lokali, l-għaqdiet tal-festa u l-voluntiera li kull sena jaħdmu bla heda biex dan l-avveniment ikun wieħed ta’ suċċess.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku tax-Xewkija Simona Refalo li ngħaqdet mal-Ministru Clint Camilleri sabiex ħeġġu lil kulħadd jattendi għal dan il-festival uniku fix-Xewkija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN