STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Aktar konservazzjoni u restawr ta’ artifatti b’finanzjament mill-Fondazzjoni Kottonera
Tlesta r-restawr tal-kwadru titulari ta’ Marija Annunzjata tal-Knisja ta’ San Duminku, ġewwa l-Birgu. Dan ir-restawr sar bil-kollaborazzjoni u l-appoġġ finanzjarju tal-Fondazzjoni Kottonera, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Dan il-kwadru kien sar fl-1959, mill-artist magħruf Emvin Cremona, wara li kien tlesta l-bini tal-knisja l-ġdida tad-Dumnikani ġewwa l-Birgu. Fil-fatt dan il-kwadru hu wieħed mill-ikbar kwadri li Emvin Cremona kien pitter u huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tiegħu.
Fi żjara li għamlet is-Segretarju Parlamentari, għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, ġie spjegat li dan il-proġett kien jinkludi t-tindif, u kif ukoll reġgħet saret rikostruzzjoni ta’ partijiet fejn iż-żebgħa kienet intilfet kompletament.
Is-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli, spjegat l-importanza li jiġi kkonservat il-patrimonju reliġjuż fil-Kottonera. Qalet kif in-nies, fosthom tal-Kottonera għandhom għal qalbhom dak li għandu x’jaqsam ma’ patrimonju kulturali u reliġjuż u għalhekk inizjattivi bħal dawn huma pass importanti sabiex wirt bħal dan ma jintilifx. “Il-Fondazzjoni Kottonera qed taħdem qatigħ sabiex tippromwovi l-kultura, il-patrimonju u s-sbuħija tal-Kottonera. Dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern ċentrali li jkompli jassigura li l-patrimonju ta’ pajjiżna jibqa’ fl-istat glorjuż tiegħu għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, qal kif dan il-proġett tlesta eżattament qabel tibda l-festa ta’ San Duminku, iċċelebrata f’din l-istess Knisja, matul il-ġimgħa d-dieħla. Spjega li dan il-proġett hu wieħed minn diversi inizjattivi li qed jitwettqu fi knejjes oħra fil-Kottonera, li ħafna minnhom jinkludu xogħol ta’ restawr. “Din il-Fondazzjoni qed tidħol sħab ma’ diversi għaqdiet u entitajiet oħra fil-Kottonera, sabiex issalva l-patrimonju li din in-naħa tal-pajjiż għandha. L-erba’ lokalitajiet, fi ħdan il-Kottonera, huma mogħnija b’artifatti ta’ preġju. Għal dan il-għan il-Fondazzjoni, qed tkun ta’ spalla sabiex jiġi kkonservat dak kollu li hu parti mill-Kottonera. Dan il-proġett hu eżempju ċar tal-impenn tal-istess Fondazzjoni,” temm jgħid Joe Mizzi.
Il-Pirjol tal-Komunità Dumnikana, tal-Birgu, Patri Aaron Zahra, irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera u l-Gvern Ċentrali, tal-appoġġ finanzjarju sabiex dan il-proġett seta’ jseħħ. Spjega li dan il-kwadru hu wieħed ta’ valur għall-Komunità Dumnikana fil-Birgu, għaliex juri d-devozzjoni Marjana u r-rabta tagħha mal-Ordni Dumnikan. Qal kif dan il-kwadru kien wieħed ta’ preġju kbir ukoll għall-artist li pittru, tant hu hekk li Emvin Cremona baqa’ jmur jitlob quddiemu. Min-naħa tagħha, ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat li wara x-xogħol ta’ tindif, rikostruzzjoni u restawr saret applikazzjoni ta’ varniċ protettiv li jinkludi filtru kontra l-UV.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN