STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI: Il-Ministru Bonnici jżur l-aħħar preparamenti għall-Karnival tas-Sajf
Hekk kif fadal ftit jiem għall-Karnival tas-Sajf, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar lil uħud mill-voluntiera li se jieħdu sehem f'din l-attività li saret appuntament annwali għall-familji Maltin u Għawdxin u kif ukoll għat-turisti li jkunu qed iżuru pajjiżna.
L-edizzjoni ta' din is-sena, organizzata minn Festivals Malta, ser tittella' bejn il-Ġimgħa 22 ta' Awwissu u l-Ħadd 24 ta' Awwissu f'Buġibba u f'Marsaskala b'għadd ta' attivitajiet għall-familja kollha.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici qal, “Kemm hu sabiħ li nkomplu ninvestu f'dak li jagħmilna Maltin – u proprju hekk qed nagħmlu bil-Karnival tas-Sajf. Il-preparazzjonijiet li rajt illum huma xhieda ta' kemm il-kultura tagħna tissaħħaħ meta naħdmu flimkien. Grazzi għall-ħidma ta' Festivals Malta u l-voluntiera kollha, ninsab ċert li l-Karnival tas-Sajf ta' din is-sena ser ikun suċċess ieħor."
Il-ministru temm jgħid li l-Gvern jibqa' kommess li jkompli jsaħħaħ dawn l-esperjenzi kulturali, hekk kif jagħmlu l-identità tagħna aktar ħajja.
F'Buġibba, il-Karnival tas-Sajf ser jittella' fit-22 u t-23 ta' Awwissu u ser ikun hemm żewġ rotot differenti. Nhar il-Ġimgħa 22 ta' Awwissu se jgħaddi minn Dawret il-Gżejjer sal-Akwarju Nazzjonali ta' Malta. Nhar is-Sibt 23 ta' Awwissu se jibda minn Triq it-Trunċiera (biswit l-Akwarju Nazzjonali ta' Malta) saċ-ċentru ta' Buġibba u jkompli mal-promenade, imbagħad idur għal Triq il-Ħalel. Fl-24 ta' Awwissu, il-Karnival tas-Sajf se jittella' f'Marsaskala u se jgħaddi minn Triq ix-Xatt sa ħdejn il-Parroċċa ta' Marsaskala.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius u d-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil. Huma esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li din is-sena se jkun hemm numru rekord ta' karrijiet li se jipparteċipaw, inkluż tliet karrijiet minn Għawdex. Huma rringrazzjaw lill-parteċipanti kollha tad-dedikazzjoni lejn din it-tradizzjoni.
Aktar informazzjoni fuq l-attivitajiet tal-Karnival tas-Sajf tista' tinstab fuq is-sit www.festivals.mt/karnivalsajf jew fuq il-paġni soċjali tal-Karnival ta' Malta.
Ritratti: MHAL
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN