STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-Premju Anzjanità Attiva 2025
Ġie mħabbar li fetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju Anzjanità Attiva, li se jittella’ f’Ottubru, ix-xahar dedikat lill-anzjani. Matul dan l-avveniment jiġi rikonoxxut il-kontribut siewi ta’ individwi u entitajiet li bl-inizjattiva tagħhom qed jippromwovu l-anzjanità attiva f’pajjiżna. In-nominazzjonijiet se jibqgħu miftuħin sad-9 ta’ Settembru 2025.
Is-sitt kategoriji għall-edizzjoni ta’ din is-sena huma:
• Premju Anzjanità Attiva
• Premju Innovazzjoni u Teknoloġija fl-Anzjanità
• Premju Anzjanità Kulturali
• Premju Anzjanità Sportiva
• Premju Volontarjat fl-Anzjanità
• Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea spjega kif dawn il-premjijiet jirriflettu l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għal soċjetà li mhux biss tirrispetta iżda wkoll tgħożż il-kontribut tal-anzjani f’kull qasam. “Permezz ta’ dan il-proċess qed nuru apprezzament lejn l-ispirtu, id-dedikazzjoni u l-ħidma kontinwa ta’ ħafna individwi u entitajiet li jżommu l-anzjanità ħajja, vibranti u attiva,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), Steve Agius, flimkien maċ-Chairperson tal-Bord tal-Għażla Amy Friggieri, tennew l-importanza ta’ dan il-proċess bħala mezz li jagħti viżibilità x-xogħol tal-anzjani li spiss isir fil-kwiet. Huma saħqu li l-applikazzjonijiet se jiġu evalwati fuq l-impatt komunitarju, il-livell ta’ innovazzjoni, u l-kontribut fit-tul jew ta’ ispirazzjoni f’dan il-qasam. Huma ħeġġew lill-pubbliku u lill-entitajiet sabiex jinnominaw lil dawk li tassew qed jagħmlu differenza.
Il-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb minn Ċentru Servizz Anzjan (Malta jew Għawdex), jew mis-sit elettroniku aacc.gov.mt. Għal aktar informazzjoni, tista’ tintbagħat email fuq aau.aacc@gov.mt jew iżżur il-paġna Active Ageing and Community Care fuq Facebook.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN